Ninxteħtu fl-Art bil-Qima Naduraw
It-Tieni Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Adorazzjoni tal-Maġi, Knisja Parrokkjali tan-Naxxar
Jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond’ tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.
Efesin 3, 14-19
Wieħed mill-elementi artistiċi li jiddistingwi dan il-kwadru ta’ Stefano Erardi fil-Knisja Matriċi tan-Naxxar mill-istess suġġett li l-istess artist pitter għadd ta’ snin qabel għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann huwa proprju s-simboli regali tal-maġi (ara: Iqimuh is-slaten kollha). Fil-kwadru tan-Naxxar huma t-tliet maġi li għandhom kuruna tipika bil-ponot li jagħlqu f’boċċa solida. Anke l-għaref li ġeneralment nassoċjaw mal-Afrika ninnutawlu l-ponot tal-kuruna ħierġa mit-turban. Minkejja li l-Evanġelista Mattew jurihom bħala għorrief—probabbilment astroloġi—ir-riferenzi għal kapitlu 60 tal-Ktieb tal-Profeta Isaija u Salm 72 wasslu biex dawn bdew jitqiesu bħala slaten ta’ ġnus differenti.
Fil-pittura tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fil-pożizzjoni l-iktar ’il barra tal-perspettiva u allura l-iktar qrib tagħna naraw qaddej żagħżugħ iżomm il-kuruna tal-ewwel għaref f’idejh waqt li jħares lejna biex iħeġġiġna ninżgħu l-kburija tagħna u ninżlu minn fuq kwalunkwe pedestall li aħna nfusna jew is-soċjetà jistgħu jpoġġuna fuqu—jista’ jkun ukoll frott ir-responsabbiltà tagħna—sabiex tassew naduraw lil l-Iben tal-Missier “li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art” (Ef 3, 15) u nagħrfuh bħala l-għajn u l-għan ta’ kull setgħa, u l-mudell biex jiġi mgħix u imitat. Fil-kwadru tan-Naxxar dan joħroġ b’qawwa ikbar hekk kif naraw li l-ewwel għaref neża l-kuruna u poġġiha mal-art sabiex jinżel iqim lis-Sultan tal-ġnus.
Biex jesprimi l-ġieħ li jagħtu l-maġi lil Ġesù, San Mattew juża verb speċifiku ħafna—προσκυνεω (proskuneó)—li jfisser li tmil quddiem, li tinxteħet b’wiċċek fl-art, litteralment li tbus l-art meta tinxteħet quddiem xi awtorità jew divinità—dik li b’mod tekniku tissejjaħ proskynesis. B’mod partikolari f’San Mattew dal-ġest jagħmluh quddiem Ġesù dawk li jirrikonoxxu s-setgħa tiegħu u jagħrfuh bħala Mulej (Mt 9, 18; 14, 33; 15, 25; 18, 26; 20, 20; 28, 9; 28, 17). Jintuża wkoll mix-xitan meta jipprova jipperswadi lil Ġesù biex jinżel jadurah (Mt 4, 10). Kienet din l-istess xewqa dijabolika li wasslet lil Erodi biex jagħmel il-massakru tal-innoċenti bit-tama li joqtol lil din it-tarbija li f’għajnejh dehret ta’ theddida għas-setgħa tiegħu.
Fil-Ktieb tal-Apokalissi, l-istess verb ta’ Mattew jintuża kemm għal dawk li jinxteħtu jqimu lil Alla u lill-Ħaruf, u kif ukoll għal dawk li jqimu l-bhima. Waqt li tħares lejn dak ir-raġel xwejjaħ li xejn ma jiddarras iwarrab il-ġieħ tal-qagħda soċjali u l-età tiegħu biex iqim tarbija, ġieb quddiem il-menti tiegħek dawk il-mumenti fejn, flok tqim lil Alla bħalma għamlu l-Maġi, bħal Erodi, il-post li suppost tagħti lilu tagħtih lilek innifsek u l-interessi tiegħek, l-ideat tiegħek u l-lealtajiet politiċi u soċjali tiegħek. Ġedded fik l-għarfien li Hu, u mhux inti, huwa Alla u għarfu bħala Sidek bla ma taħrab quddiem l-iskandlu ta’ Alla li jixxejjen biex jieħu fuqu n-natura tagħna. Hija biss it-Tama Nisranija li ssalvana minn kull jasar u milli niġu fgati miċ-ċokon tagħna għax toħroġna minna nfusna u tpoġġi l-fiduċja tagħna f’ħoġor dak li tassew nistgħu nafdawh għax hu biss ma jqarraqx!