Iqimuh is-slaten kollha

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Adorazzjoni tal-Maġi, Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,

u s-slaten fid-dija ta’ sbiħek.

Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:

ilkoll miġbura ġejjin għandek.

Uliedek ġejjin mill-bogħod,

u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,

u tħabbat u timtela qalbek,

għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,

u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,

l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;

ilkoll minn Saba jiġu,

mgħobbija bid-deheb u l-inċens,

u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

Isaija 60, 3-6

Element ieħor komuni fl-ikonografija tal-Maġi fit-tieni millennju tal-Kristjaneżmu huwa li jiġu rrappreżentati bħala slaten. Infatti, Stefano Erardi fil-pittura tiegħu jurina s-Sultan Afrikan liebes it-turban, u t-tnejn l-oħra wieħed bil-kuruna mxidda fuq rasu u l-ieħor bil-kuruna miżmuma minn qaddej tifel b’sens ta’ qima waqt li jadura t-tarbija Ġesù li t-tinjiet fil-panneġġ ta’ lbies ommu jiffurmawlu bħal donnhom kuruna fuq rasu.

Din l-interpretazzjoni artistika mhijiex imsejsa fuq ir-rakkont ta’ San Mattew li kulma jgħid hu li xi maġi mil-lvant ġew f’Ġerusalemm ifittxu lil dak li twieled sultan tal-Lhud (Mt 2, 1-2). Probabbilment kienu xi forma ta’ astroloġi, li tajjeb ngħidu li fiż-żmien il-qedem kienet meqjusa bħala xjenza kredibbli u mhux bħala ċarlataniżmu kif nesperjenzawha llum. L-assoċjazzjoni tagħhom ma’ titli monarkiċi hija frott il-profezija ta’ kapitlu 60 tal-profeta Isaija, li tidher iktar ’il fuq, u kif ukoll tak li nsibu f’Salm 72:

Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu;

dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Saba u ta’ Seba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

Salm 72, 9-11

Is-sultan huwa l-mexxej imma wkoll ir-rappreżentant tal-poplu kollu quddiem Alla u quddiem il-popli l-oħra. Forsi wkoll dan nistgħu ngħidu li japplika għall-isqfijiet. Benedittu XVI żamm it-tradizzjoni mibdija minn Ġwanni Pawlu II li waqt il-pontifikal tal-Epifanija jikkonsagra l-isqfijiet ġodda. Fl-aħħar ċelebrazzjoni ta’ din l-festa qabel irriżenja, il-Papa Benedittu XVI iqabbel il-mixja tal-Maġi mal-ministeru tal-isqof:

L-Isqof għandu r-responsabbiltà mhux biss li jimxi dan il-pellegrinaġġ flimkien mal-oħrajn, imma li jimxi quddiemhom u jurihom it-triq.

Benedittu XVI, Omelija tas-Solennità tal-Epifanija, 6 ta’ Jannar 2013

Filwaqt li nkomplu nisimgħu u nagħtu widen għat-tagħlim tal-Arċisqof li jmexxi l-Knisja li tinsab f’Malta, jeħtieġ ukoll nagħrfu li din ir-responsabbiltà li jsemmi l-Papa taqa’ fuq ħafna oħra b’mod differenti, kemm fi ħdan il-Knisja u kif ukoll fis-soċjetà. Is-sultan li jinża’ l-kuruna biex jinżel jadura lit-tarbija Ġesù huwa x-xempju per eċċellenza ta’ kif għandha titħaddem l-awtorità u kif jeħtieġ jingħex kull ministeru fi ħdan il-Knisja: mingħajr ma naħarbu mir-responsabbiltà li kull pożizzjoni ġġib magħha għax, fl-aħħar mill-aħħar, se niġu mitluba nagħtu kont quddiem Alla, jeħtieġ li nagħrfu li m’aħniex aħna Alla imma u fl-istess ħin inkunu mexxejja fil-pellegrinaġġ tal-ħajja li fl-aħħar irid iwassal lil kull min hu fdat fir-responsabbiltà tagħna għall-għarfien ta’ Kristu bħala s-sid tiegħu.