Il-Kolonna, is-Saqaf u l-Ħajt

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-Adorazzjoni tal-Maġi, Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt

Ir-rebbieħ nagħmlu kolonna fit-Tempju ta’ Alla tiegħi, minn fejn qatt iżjed ma joħroġ u fuqu nonqox isem Alla tiegħi, isem il-Belt ta’ Alla tiegħi, Ġerusalemm il-ġdida li nieżla mis-sema mingħand Alla tiegħi, u l-isem il-ġdid tiegħi.

Apokalissi 3, 12

Dettall interessanti fl-interpretazzjoni artistika li jagħmel Stefano Erardi tar-rakkont taż-żjara tal-Maġi huwa li x-xena tiżvolġi f’xenarju li jfakkarna fi presepju Naplitan fejn, flok fil-grotta jew fl-istalla, lil Ġesù nsibuh fil-fdalijiet ta’ tempju Ruman. Erardi dan jesprimih permezz tal-kolonna ta’ stil klassiku eżatt wara l-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha u, iktar ’il fuq, permezz tas-saqaf imserraħ fuq travu se jaqa’ u ma jaqax.

Sintendi, din hija allegorija artistika fl-aqwa tagħha għax bl-ebda mod ma taqbel mar-rakkont Bibliku. Però nistgħu ngħidu li hija xhieda ta’ żewġ affarijiet. L-ewwel nett li fl-Imperu Ruman il-paganiżmu ftit ftit ċeda postu għall-fidi fi Kristu. U t-tieni, li permezz tal-inkarnazzjoni seħħ dak li San Pawl jitkellem fuqu fl-ittra lill-Efesin u jagħmel referenzi għalih f’postijiet oħra:

Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna—il-mibegħda ta’ bejnietna—u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu.

Efesin 2, 14

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI, f’meditazzjoni qasira waqt żjara fil-knisja parrokkjali ta’ Rhêmes-Saint Georges, fil-Val d’Aosta nhar it-23 ta’ Lulju 2006, jikkummenta li dan il-vers bibliku jolqotna għax is-sbuħija ta’ din il-viżjoni Nisranija tikkuntrasta bil-kbir mar-realtà li ngħixu u naraw. Imma, ikompli Benedittu, dan il-misteru tal-istorja tal-umanità u tal-libertà umana li tista’ tgħid, “Le,” lil Alla, filwaqt li jeħtieġ li naċċettawh, xorta waħda hemm ħjiel ta’ tweġiba li jagħtina l-Mulej. L-ewwel u qabel kollox, dan il-ħajt narawh jikkrolla bejn il-ħafna popli u ġnus li jaslu għall-fidi fil-Mulej u jiffurmaw il-komunjoni tal-Knisja universali. U dan il-ħajt narawh jikkrollaw permezz tas-salib li bih seħħet il-fidwa tal-umanità.

Filwaqt li nħallu jaqgħu l-ħitan li jifirduna minn xulxin u fina nfusna sabiex ikunu jistgħu jinbtu u jissaħħu r-rabtiet ta’ mħabba bejnietna, tajjeb nistaqsu lilna nfusna: Fejn qed nerġgħu nħallu l-ħitan jitilgħu? Fejn qegħdin inwarrbu l-fidi vera u nerġgħu nħaddnu s-superstizzjoni u s-seħer? Fejn m’aħniex inħallu dak li hu pagan u tad-dinja jikkrolla sabiex jinfetħu s-soqfa u jaqgħu l-ħitan sabiex il-Mulej ikun jista’ jidħol u jiġi adurat fl-ispirtu u fil-verità (ara Ġw 4, 21).