Qiegħed idejh fuqu u fejqu

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Fejqan ta’ Missier Publju fil-Katidral tal-Imdina

F’dan ix-xahar li matulu nfakkru l-miġja tal-Appostlu tal-ġnus fostna, jixraq li nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq waħda mid-diversi kwadri li nsibu ta’ dan il-qaddis fil-knejjes tagħna. Fil-kor tal-Katidral tal-Imdina nsibu ħames pitturi, kollha xogħlijiet tal-artist ċelebri Mattia Preti u li, barra waħda li tirrappreżenta l-martirju ta’ San Pietru, kollha jirrappreżentaw mumenti differenti fil-ħajja ta’ San Pawl. Fost dawn il-pitturi nsibu l-kwadru li jirrappreżenta l-fejqan ta’ missier Publju. Din kienet l-ewwel darba li Preti pitter dan is-suġġett. Is-sett ta’ pitturi ġie kkummissjonat minn Don Antonio Testaferrata, li l-arma tiegħu tidher fuq il-paviment iċċanġjat fin-naħa ta’ isfel ta’ din it-tila.

Dan l-episodju jifforma parti mir-rakkont tal-waqfa ta’ Pawlu f’Malta:

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Atti 28, 7-9

Biex joħroġ l-importanza tal-figura ta’ Publju u wkoll l-effett li kellu dan l-avveniment fuq kif żvolġew l-affarijiet għal Pawlu u sħabu sakemm reġa’ wasal żmien it-tbaħħir, l-artist jambjenta din l-istorja f’binja arkitettonikament elaborata u madwar sodda mill-iktar sofistikata—x’aktarx iktar jixbhu lill-istil tal- kontemporanju għax-xogħol milli għal dak tal-ewwel seklu wara Kristu. It-titlu li l-Atti tal-Appostli għal Publju huwa dak ta’ prótos, li tindika li kien il-persuna ewlenija tal-post, u allura l-awtorità massima. Hu għalhekk li lil Publju nsejħulu Prinċep ta’ Malta, u wkoll li Malta kellha ċerta awtonomija minkejja li kienet tifforma parti mill-Imperu Ruman.

Għalkemm l-awtur hu ftit xott dwar id-dettalji taż-żmien li Pawlu qatta’ f’Malta, żgur li, flimkien mal-episodju tal-lifgħa, dan il-fejqan kellu konsegwenzi usa’, hekk li bħal donnu fetaħ bieb sabiex permezz tiegħu Pawlu seta’ jmiss il-ġrieħi tal-poplu u jfejjaqhom bil-qawwa ta’ Kristu.

Bħal kull ġens ieħor, aħna nġorru diversi mard u ġrieħi mhux biss fuq il-livell personali imma wkoll komunitarju, reliġjuż u politiku. Imma l-laqgħa bejn il-Prótos u l-Appostlu fetħet bieb li seta’ jwassal għall-fejqan mhux biss tal-mexxejja imma wkoll tal-bqija tal-abitanti tal-gżira.

Inti u tħares lejn il-figura ta’ Pawlu b’ħarstu ’l fuq u b’idejh mifruxa fuq il-marid, itlob għall-fejqan tiegħek, tal-familja tiegħek, tal-Knisja hawn f’Malta, u tal-ġens kollu tagħna fuq id-diversi livelli li fihom isib ruħu meħtieġ il-fejqan u t-tisħiħ.