Pawlu u Ġona
It-Tieni Riflessjoni dwar in-Nawfraġju ta’ San Pawl ta’ Francesco Zahra
“Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom,
oraklu tal-Mulej.
Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.”
Isaija 55, 8-9
Ħaġa tassew partikolari f’din il-pittura li nsibu fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, hija l-ikonografija xejn tipika li juża Francesco Zahra. Ma narawx ġifen imkisser imma galjun sħiħ u bil-qlugħ miftuħa fl-isfond. Kważi kważi, hija iktar simboloġija addattata għall-ġrajja tal-Profeta Ġona li safa’ mixħut il-baħar minn dawk li kienu miegħu fuq il-ġifen, wara li fil-maltempata li qabdithom jagħraf l-id ta’ Alla li minnha kien qiegħed jaħrab.
San Pawl, mhux talli ma kienx qiegħed jaħrab, talli kien determinat li jasal Ruma sabiex ikollu l-possibbiltà li jwassal l-aħbar it-tajba tal-Evanġelju fil-qorti Imperjali. Iżda, bħal Ġona, kellu jaddatta ruħu għar-rieda tal-Mulej li jwassal l-aħbar ta’ ħniena u salvazzjoni lil dawk li kienu jeħtiġuha. Id-differenza hija li, għall-kuntrarju ta’ Ġona, San Pawl kien determinat fl-appostolat tiegħu u miftuħ għal dak li jurih Alla bħala r-rieda tiegħu. U saħansitra l-ħalel għoljin kienu qegħdin bi ħlewwa jsuqu lil Pawlu sabiex jasal l-art qawwi u sħiħ ħalli ma jdumx ma jasal għand il-poplu li kien qed jistennieh fuq din il-blata mdawra minn kullimkien bil-baħar, donnha hi stess ġifen.
Kemm drabi bħal Ġona nibqgħu mwaħħlin mal-ideat fissi tagħna hekk li nsibuna mblukkati biex inħaddnu r-rieda ta’ Alla u nkunu attenti u miftuħa għal dak li jnibbet f’qalbna u jlehimna bih. Imma Pawlu jagħmlilna kuraġġ għax, għalkemm it-triq fl-ebda punt ma ssir faċli, jekk nagħrfu nintelqu f’idejh, hu għandu l-ħila jwassalna fil-port li fih jixtieqna naslu għall-ġid tagħna u tal-oħrajn.