In-Nawfraġji tal-Ħajja

L-Ewwel Riflessjoni dwar in-Nawfraġju ta’ San Pawl ta’ Francesco Zahra

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej

u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar.

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U bidel ir-riefnu f’żiffa,

u sikket mewġ il-baħar.

Huma ferħu għax ibbnazza;

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

Salm 107, 23-24. 28-30

Meta tidħol il-Kurja tal-Arċisqof u taqbad il-kuritur ewlieni, pittura li żgur tolqtok hija dik ta’ Francesco Zahra li tirrappreżenta n-Nawfraġju ta’ San Pawl. Din il-pittura tifforma sett flimkien ma’ pittura oħra ta’ Zahra li tirrappreżenta lil San Franġisk Saverju—pittura bl-istess kunċett u stil—li qiegħda fl-istess kuritur. Dawn iż-żewġ pitturi jwasslu għall-kuritur li jgħaddi mill-ġenb tal-kappella għar-Refettorju, fost l-oħrajn.

Tajjeb inżommu f’moħħna li l-post fejn illum tinsab il-Kurja tal-Arċisqof oriġinarjament kien dar tal-irtiri mmexxija mill-Ġiżwiti. U allura nistħajjel li dawn iż-żewġ figuri missjunarji importanti—wieħed appostlu u l-ieħor membru tal-istess Soċjetà ta’ Ġesù—kienu jservu ta’ akkumpanjament u sosten għal dawk li jkunu qed jagħmlu rtir waqt li jitħabtu mal-mewġ li jitqanqal jew tiġi konxju tiegħu meta tieqaf bi kwietek quddiem il-Mulej u tħallih jurik kif hu jħares lejn ħajtek u tiġi konxju tal-ilmijiet imqallba li hemm ġewwa fik. Huma wkoll ta’ inkoraġġiment għax l-għan tal-irtir mhuwiex li wieħed jibqa’ ankrat fil-port imma li joħroġ determinat li jsalpa skont lejn fejn il-Mulej qiegħed imexxih.

Dan il-ħsieb ikompli jiġi msaħħaħ mill-kitba li nsibu fi strixxa fuq in-naħa ta’ isfel tat-tila meħuda mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin skont it-traduzzjoni tal-Vulgata: TER NAUFRAGIUM FECI: NOCTE, ET DIE IN PROFUNDO MARIS FUI—“Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar” (2 Kor 11, 25) skont it-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika. Sakemm kiteb din l-ittra San Pawl kien għadu ma ġarrabx in-nawfraġju li wasslu qawwi u sħiħ fuq gżiritna.

Bħal Pawlu, aħna wkoll kellna n-nawfraġji tagħna, u min jaf kemm għad iridu naraw l-għarqa iktar drabi. Bħalu, aħna wkoll qattajna ljieli u ġranet mitlufin f’nofs il-baħar tar-realtà soċjali, ekkleżjali, familjari jew personali li fihom naqdfu ta’ kuljum. Imma ħarset Pawlu kienet merfugħa ’l fuq.

Faċli nħallu lilna nfusna ninbelgħu mill-mewġ. Faċli naqtgħu qalbna u ngħollu kollox. Imma r-rassenjazzjoni frustrata mhijiex tweġiba Nisranija. Tweġiba tassew Nisranija timplika li nibqgħu naqdfu u nitħabtu mal-mewġ mingħajr ma nitilfu l-ħarsa tagħna lejn is-sema.