It-Tfajjel li jbierek lix-Xwejjaħ

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tal-Maġi

“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skont kelmtek,

għaliex għajnejja raw

is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt

għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

Luqa 2, 29-32

Jekk ikollna nqabblu dan l-arazz ma’ dak tal-Adorazzjoni tar-Rgħajja li mmeditajnieh fi Żmien l-Avvent, mill-ewwel ninnutaw li x-xena tal-istalla hija differenti. F’dan l-arazz, ix-xena sseħħ barra f’kuntrast ma’ Ġesù li jitwieled u jitpoġġa f’maxtura mkenna sew mill-kesħa—forsi għax kien hemm il-biża’ li jieħu xi riħ … Imma din id-differenza hija wkoll konsegwenza tal-għażla ta’ żewġ pitturi mhux kumplimentari ta’ Peter Paul Rubens bħala bażi għad-disinni li fuqhom huma minsuġa dawn iż-żewġ arazz. Għalkemm Rubens għamel diversi eżekuzzjonijiet artistiċi tal-Adorazzjoni tal-Maġi, dan l-arazz hu mfassla fuq pittura li tpittret bejn is-snin 1617 u 1618 u li llum tinsab fil-Mużew tal-Arti ta’ Lyon, fi Franza.

Peter Paul Rubens, L-Adorazzjoni tal-Maġi, Mużew tal-Arti ta’ Lyon, Franza

Forsi minħabba d-deterjorament tal-kuluri matul is-sekli, jekk ma tħarisx lejn din il-pittura, diffiċli tidentifika t-tliet rigali: Id-deheb f’għamla ta’ muniti miġbura f’kontenitur donnu jixbah lil arzella hu mpoġġi fuq il-maxtura ħdejn riġlejn Ġesù waqt li l-magu anzjan qiegħed ibuslu saqajh bħala sinjal ta’ qima u sottomissjoni. Kontenitur simili jinsab ukoll f’id it-tifel-qaddej ta’ warajh. Wara dawk li akkumpanjaw lill-ewwel wieħed fil-vjaġġ, nilmħu ż-żewġ maġi l-oħra. L-ewwel wieħed b’dehra iktar Ażjatika għandu tifel-qaddej li qiegħed iġorr reċipjent li jixbah liċ-ċensier li jintuża waqt il-liturġija, u allura nistgħu nidentifikaw ir-rigal tiegħu bħala l-inċens. Fl-aħħar nett nilmħu raġel Afrikan iġorr kaxxa pjuttost imdaqqsa u, b’eliminazzjoni, nistgħu nikkonkludu li qed iġorr il-mirra. Il-mirra hija għamla ta’ reżina li toħroġ minn qtugħ fiz-zkuk tas-siġra Commiphora myrrha, tipika tal-artijiet fuq il-kosta tal-Lvant tal-Afrika.

Imma naħseb li l-iktar dettall li juri ħlewwa u fl-istess ħin qawwa huwa proprju dak tal-Bambin Ġesù li jpoġġi idu fuq il-qargħa tal-ewwel magu li kien għarkupptejh quddiemu. Żgur li dik l-id sħuna ta’ tarbija mimlija ħajja kebbset bit-tama l-qalb tax-xwejjaħ b’rasu mirżuħa u mgħawweġ bil-piż tal-passat u tal-għejja tal-ħajja. Minkejja din l-esperjenza mill-iktar naturali tal-anzjanita, dan ix-xwejjaħ xorta waħda webbes rasu u għamel il-vjaġġ, u offra t-tgħawwiġ u t-toqol tiegħu flimkien mar-rigal tiegħu lil dik it-tarbija ċkejkna. U, proprju f’dan id-djalogu ta’ ġesti bla kliem, dan ix-xwejjaħ isib it-tama u l-mistrieħ.

X’inhu dak li qiegħed jgħawġek jew itaqqlek? Ħallih jgħawġek biżżejjed biex tkun tista’ tadura lill-Mulej li jiċċekken. X’qed jiffriża ’l rasek bil-ħsibijiet u jxoqq ’l għadmek bil-kesħa? Ħalli id il-Bambin tistrieħ fuqek għax il-barka safja tiegħu għandha qawwa li ssaħħar ’il-qlub iktar minn kull seħer li setgħu jagħmlu l-maġi.