Il-Ġnus Kollha Lilu Jaqdu

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tal-Maġi

Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu;

dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Saba u ta’ Seba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

Salm 72, 9-11

Dan l-arazz hu bbażat għal darb’oħra fuq pittura tal-Adorazzjoni tal-Maġi ta’ Peter Paul Rubens. Rubens juża l-ikonografija tradizzjonali għal din ir-rappreżentazzjoni, jiġifieri li l-maġi kienu tlieta—ir-rakkont ta’ Mattew ma jagħtix għadd imma jgħid biss “xi maġi”—u kienu ta’ età differenti u anke ġejjin minn popli differenti. U x-xena hija amplifikata iktar bl-inklużjoni ta’ karovani ta’ kulturi differenti li ġew mal-maġi, varjetà espressa fil-kuluri differenti tal-ġilda, fl-istil tal-ilbies, fl-oġġetti meħtieġa għall-vjaġġ, u fil-bhejjem użati għat-trasport—għalkemm Rubens jirnexxilu jross biss żewġ żwiemel f’xena diġà wisq iffullata, fl-isfond tal-arazz nilmħu wkoll iġ-ġmula.

Fil-Knisja dejjem ingħatat importanza kbira lis-solennità tal-Epifanija proprju għax, filwaqt li r-rgħajja kienu mill-poplu ta’ Iżrael, il-maġi jirrappreżentaw il-popli kollha tad-dinja pagana li mhijiex Lhudija u li laqgħet l-fidi f’Ġesù. Għaldaqstant, hija l-festa tagħna, ulied il-ġnus, fejn nifirħu għax Kristu ġie muri lilna.

Imma għall-maġi din il-laqgħa mhijiex sempliċiment okkażjoni speċjali u sodisfazzjon għax sabu dak li fittxew. Il-ġest l-iktar ċentrali huwa proprju l-adorazzjoni: bħalma l-Iben ta’ Alla ċċekken u sar tarbija għall-fidwa tal-bnedmin kollha, hekk ukoll il-ġnus fil-persuna tal-maġi, minkejja l-kburija tal-qawwa u l-għerf li akkumulaw, jinżlu jaduraw lil Alla-bniedem u jagħrfu fih iċ-ċentru tal-istorja, dak li minnu tiġi l-qawwa vera, u dak li hu l-Verb ta’ Alla li ġie jaqsam maċ-ċkejknin l-għerf tas-Saltna tiegħu.

Nistgħu ngħidu li kien f’din il-laqgħa ma’ Alla f’tarbija li proprjament tibda l-missjoni tal-maġi. Il-vjaġġ ta’ qabel kien vjaġġ personali li wassal għal rivelazzjoni. Il-vjaġġ lura huwa l-qsim ta’ din ir-rivelazzjoni billi minn kull fejn jgħaddu jaqsmu l-Aħbar it-Tajba tas-Salvazzjoni. Din hija l-essenza ta’ xi tfisser l-evanġelizzazzjoni—missjoni li tingħata lil kull min iltaqa’ ma’ Kristu u b’qima għaraf tassew min hu. Jalla din is-sena ġdida, li se twassalna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew Ordinarju tal-2025, isservi biex niltaqgħu mill-ġdid ma’ Kristu u minn din il-laqgħa niksbu l-enerġija biex inwasslu din it-tama ta’ salvazzjoni lil kulħadd.