Pietru: l-Imfietaħ u l-Laċċ
It-Tielet Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali, fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara
“Intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”
Mattew 16, 15-19
Barra l-figura allegorika femminili, fuq id-dgħajsa titħabat biex iżżomm fil-wiċċ qalb il-ħalel ta’ għawġ id-dinja, Giuseppe Calì jpoġġi wkoll lil Pietru. L-Appostlu, simbolu tal-għaqda tal-Knisja imma wkoll tad-dimensjonijiet ġerarkiċi u istituzzjonali tagħha, jikkumplimenta tajjeb mal-aspett tal-Fidi u l-grazzja (Ewkaristija) miġbura fil-figura femminili. Calì jlibbes lil Pietru bl-ilwien aħdar u isfar, kuluri li nsibuhom diversi drabi fir-rappreżentazzjonijiet artistiċi ta’ dan il-qaddis.
Bħall-figura femminili, il-ħarsa ta’ Pietru hija waħda ta’ fiduċja u supplika, merfugħa lejn Ġużeppi li, flimkien maċ-ċkejken Ġesù, qed jifrex idu u l-mant tiegħu fuq il-Knisja. Però simboliżmu xi ftit iktar sottili nsibuh fil-pożizzjonijiet ta’ jdejh. B’idu l-leminija jew qed jiġġebbed biex jaqbad jew qed jirtira idu wara li newwel il-kalċi u l-ħobż Ewkaristiku—tfakkira tar-rabta intima li hemm bejn is-saċerdozju ministerjali u l-Ewkaristija. F’idu x-xellugija Pietru qed iżomm kemm l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet li Kristu nnifsu jafdalu f’idejh, u kif ukoll il-laċċ. Il-laċċ huwa dik l-injama marbuta mat-tmun li permezz tagħha jitmexxa t-tmun u d-dgħajsa tiġi ggwidata.
Il-Knisja tqiegħed il-fiduċja tagħha fis-suċċessuri ta’ Pietru sabiex imexxuha hija u titħabat mal-mewġ, u jwassluha sal-port tas-salvazzjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li nitolbu għall-Papa sabiex ikompli jaqdi din il-missjoni tiegħu b’fedeltà għall-verità ta’ Kristu. Imma tajjeb ukoll tistaqsi lilek innifsek dwar x’inhu l-mewġ li qed titħabat miegħu d-dgħajsa tal-Knisja bħalissa, u fl-għixien tiegħek tal-fidi x’qed imexxi l-laċċ li jurik it-triq—hija biss ‘idek’ jew il-ħarsa ta’ Kristu fuqek?