Qishom tjur jimlew is-sema
It-Tielet Riflessjoni dwar il-pittura tal-Madonna tal-Avjazzjoni ta’ Emvin Cremona
Hekk kif għal darba oħra nitfgħu l-ħarsa tagħna lejn il-pittura tal-Madonna tal-Avjazzjoni, xogħol mill-aqwa ta’ Emvin Cremona, ma nistgħux ma ninnutawx kif l-artist jinkorpora fl-opra tiegħu ħames ħamimiet li bla ma trid ifakkruk fil-forma ta’ ajruplani, bħal donnu biex juri li l-prototipi tal-ajruplani huma t-tjur ta’ Alla, li, skont l-ewwel rakkont tal-ħolqien li nsibu fil-Ġenesi, ġew maħluqa fil-ħames jum flimkien mal-ħut li jiżegħdu fil-baħar. Dan l-att tal-ħolqien kien parti mill-ħidma ta’ Alla li bdiet mir-raba’ jum sabiex jimla t-tliet spazji li ħalaq—is-sema, il-baħar, u l-art—u li laħqet il-milja tagħha fis-sitt jum bil-ħolqien tal-bniedem li Alla ħalqu xbieha tiegħu sabiex f’ismu jaħkem “fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art” (Ġen 1, 26).
Alla ma ħalaqx il-bniedem għaċ-ċokon imma għall-kobor. Hu għalhekk li qalb il-bniedem hi mimlija aspirazzjonijiet. Imma, aktar ma jogħla ’l fuq, anke fl-ajru permezz tal-ajruplani, il-bniedem mhux biss jistagħġeb bl-intelliġenza li biha żejnu Alla imma wkoll iktar jinduna kemm hu finit u limitat, kemm hu ċkejken u insinifikanti. Imma f’idejn din l-Omm permezz ta’ Binha Ġesù aħna nerġgħu niksbu l-kobor tagħna: kobor umli li ġej mid-dinjità tagħna ta’ wlied adottivi ta’ Alla, dinjità li hi mogħtija lilna b’xejn, permezz tal-Magħmudija, imma li lil Alla swietu ħafna għax mill-għoli infinit tiegħu ssabbat sal-ibaxx qiegħ biex hekk itella’ mill-ġdid lill-bniedem miegħu.
Id-darba li jmiss li titla’ fuq ajruplan jew tilmaħ wieħed jittajjar fuqek fil-għoli, rodd ħajr lil Alla tal-fiduċja tiegħu fl-umanità li jafdalu saħansitra s-smewwiet f’idejh sabiex jimrah fihom u lil hinn. Fl-istess waqt ftakar fil-kobor ċkejken tiegħek, insinifikanti f’univers daqstant vast li fih aħna biss traba ttir mar-riħ, imma hekk għażiż għal Alla li ma stmerrx isir wieħed bħalek.
Ritratt b’korteżija ta’ MUŻA – Heritage Malta