L-Anġli u d-Dar ta’ Loreto

It-Tieni Riflessjoni dwar il-pittura tal-Madonna tal-Avjazzjoni ta’ Emvin Cremona

Barra li hi xbieha tal-Madonna bħala protettriċi tal-avjazzjoni, nistgħu ngħidu li l-artist, b’din l-opra maħduma bit-teknika taż-żejt fuq it-tila, joħroġ ukoll ir-rabta li hemm bejn dan it-titlu u l-Madonna ta’ Loreto, b’mod partikolari permezz tad-dar lejn nofs il-pittura u xi ftit mgħottija mill-panneġġ ta’ lbies il-Madonna.

It-tradizzjoni tgħid li bejn Mejju tas-sena 1291 u l-10 ta’ Diċembru 1294 l-anġli ġarrew id-dar ta’ Marija f’Nazaret, fejn Marija qalet l-“Iva” tagħha u l-Iben ta’ Alla sar laħam, b’waqfiet f’Trsat fil-Kroazja, imbagħad f’Recanati sakemm twasslet sa Loreto fejn eventwalment inbniet knisja mdaqqsa madwarha li saret post importanti ħafna għall-pellegrinaġġi. Kien proprju minħabba f’hekk li, sa mill-bidu tal-użu ta’ dan il-mezz ta’ trasport, kemm fl-użu ċivili u wkoll f’dak militari, kien hemm ix-xewqa li l-avjazzjoni titpoġġa taħt il-ħarsien tal-Madonna ta’ Loreto. Dan seħħ uffiċjalment b’digriet tal-Papa Benedittu XV nhar l-24 ta’ Marzu 1920 wara t-talba ta’ Mons. Alfonso Maria Andreoli, Isqof ta’ Recanati u Loreto.

Minn studji arkeoloġiċi li saru fuq l-istruttura jidher li, għalkemm il-provenjenza tal-ġebel hija Nazaret, kien hemm intervent uman, b’mod partikolari għax fuq għadd ta’ ġebel jidhru marki ta’ numri—sinjal li l-fdalijiet inħattew b’reqqa kbira u reġgħu ġew imqiegħda fl-ordni tagħhom bi preċiżjoni. Dan jaqbel anke mal-kronoloġija ta’ żmien il-kruċjati. Jidher li, bl-intervent ta’ familja nobbli Biżantina kunjomha Angelos, biex tiġi mħarsa milli taqa’ f’idejn il-qawwiet tal-għadu, id-dar iżżarmat minn Nazaret u nġarret fuq il-karrettuni sal-port ta’ Acre fl-Art Imqaddsa—il-kapitali tal-qawwiet tal-kruċjati li waqgħet f’idejn l-għadu fl-istess perjodu—sakemm fl-aħħar sabet il-mistrieħ tagħha f’Loreto

Aħna Malta nemmnu ħafna fil-ħtieġa li jkollok, mhux biss anġli u qaddisin fis-sema, imma anke fl-art, biex jirnexxilek tasal fejn tixtieq (mingħajr ma nidħol fl-etika ta’ dan il-metodu pjuttost makjavellan). Imma, anke fuq livell iktar intimu u personali, hemm numru ta’ nies li nqisuhom ta’ ġewwa, ‘qishom tad-dar,’ jew saħansitra f’ċirkostanzi partikolari narawhom bħal anġli mis-sema.

Min huma l-anġli tiegħek? Min huma dawk li magħhom tħossok id-dar? Dawk li għalihom tgħid f’sens tajjeb, “Alla bagħtek illum”? Dawk li jerġgħu jeħduna lejn l-għeruq tagħna biex nerġgħu niskopru mill-ġdid min aħna u minn fejn bdejna ħalli nerġgħu niġġeddu u nissaħħu bil-ħarsa ’l quddiem? Rodd ħajr lill-Mulej ta’ dawn l-‘anġli’ u itlob għalihom b’isimhom jew bil-mod kif tiftakar min huma, jekk lanqas isimhom ma taf.

Ritratt b’korteżija ta’ MUŻA – Heritage Malta