Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, inħasset theżżiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin.
Mattew 28, 1-4
Aħna u niċċelebraw il-ferħ tal-Għid, ser nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq wieħed mill-arazzi li għal sekli kienu jżejnu l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Fost ix-xeni ta’ dan is-sett ikkummissjonat u mħallas mill-Gran Mastru Fra Ramon Perellós y Roccaful u maħdum il-Belġju nsibu x-xena tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu.
Ix-xena f’din l-arazz hija waħda pjuttost movimentata. Kważi kważi tagħtina l-impressjoni ta’ splużjoni ħierġa mill-qabar ta’ Kristu. Ix-xena tieħu elementi mir-rakkont skont San Mattew li jsemmi kif deher anġlu tal-Mulej li neħħa l-ġebla tal-qabar u d-dehra tiegħu kienet tiddi … u l-għases b’xi mod jixhdu għal dan l-avveniment u jaħarbu. Id-dixxipli ma jesperjenzawx il-mument tal-qawmien imma jesperjenzawh bil-laqgħa fil-fidi ma’ Kristu Rxoxt.
Fl-istess ħin, jidhru l-anġli bħal donnhom qed jiġbdu l-ġebla. U din fl-istess ħin tfakkarna fil-‘passività’ tal-qawmien: Kristu li fl-umanità tiegħu jistenna l-intervent ta’ Alla biex jieħu l-ħajja.
Filwaqt li nħallu l-isplużjoni ta’ ferħ tal-aħbar it-tajba tal-qawmien tal-Mulej isseħħ fil-qalba ta’ ruħna, niftħu idejna biex nilqgħu d-don tal-ħajja ġdida li jiġi biss minn Alla.