Il-Glorja tal-Missier

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Laqgħa mad-Dixxipli ta’ Għemmaws, Ħal Lija

Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.

2 Korintin 3, 18

F’din l-ewwel parti taż-żmien tal-Għid ser nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq l-pittura ta’ Giuseppe Calì fil-kappellun imsejjaħ tal-Kurċifiss fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija li turi lil Kristu flimkien mad-dixxipli ta’ Għemmaws. Calì qassam is-saqaf bi kwadru f’kull taqsima b’anġlu f’kull kantuniera ta’ kull xena u anġlu ieħor fuq kull naħa fuq it-tieqa—xeni kollha mill-ħajja ta’ Kristu u li bħal donnhom jinsġu paniġierku mill-isbaħ dwaru.

Ix-xena tad-dixxipli ta’ Għemmaws turina meta d-djalogu bejn iż-żewġ dixxipli—li wieħed minnhom nafu li kien jismu Kleofa u l-ieħor huwa figura anonima—jinfetaħ u jsir djalogu ma’ Ġesù. Kleofa ġej mill-isem Kleopatros li jfisser glorja tal-Missier. Kleofa, bla ma kien jaf, bil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu kien diġà sar din il-glorja tal-Missier fl-Iben, imma kien għadu fid-dell bħall-figura anonima għax għadu ma laqax lil Kristu Rxoxt. Hu biss meta jidħlu fi djalogu miegħu li ftit ftit jaslu għad-dawl tas-sebħ tal-qawmien.

Inti u tiċċelebra dan l-Għid, għati pass kuraġġuż li ma tibqax fl-anonimità imma tibda tgawdi tassew mis-sebħ tal-glorja tal-Missier.