Is-Saba’ Ppuntat

It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Laqgħa mad-Dixxipli ta’ Għemmaws, Ħal Lija

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa.

Salm 139, 3

Wieħed mill-karattri mpittra ma’ ġenb Ġesù qiegħed jipponta sebgħu, bħal donnu tistħajlu qiegħed jgħid: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” (Lq 24, 18).

Anke aħna għandna ħabta nqisu ta’ barrani lill-Mulej. Il-mod kif nitolbuh jixhed li nħarsu lejh b’mod distakkat: hu hemm fuq u aħna hawn isfel; maqtugħ mill-weġgħat u mill-esperjenzi li aħna jkollna nġarrbu ta’ kuljum. Mentri l-Mulej liebes ta’ pellegrin diġà terraq l-istess triq tagħna. Li jfixkilna forsi hu l-fatt li flok soluzzjonijiet il-Mulej joffrilna akkumpanjament: ma jagħtix tweġiba għat-tbatija imma jimxi magħna matul it-triq kollha.

Kif tħares lejn il-Mulej? Bħala dak li suppost isolvilek il-problemi kollha jew bħala dak li jterraq miegħek tul it-toroq imserrpa tal-ħajja?