Ibqa’ magħna, Mulej

It-Tielet Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Laqgħa mad-Dixxipli ta’ Għemmaws, Ħal Lija

Ibqa’ magħna, Mulej Ġesù, issa li riesaq il-lejl, u kun il-wens tagħna fit-triq, biex il-ħniena tiegħek tqawwilna qalbna u twettaqna bit-tama, ħalli nagħrfuk fl-Iskrittura u fil-qsim tal-ħobż ma ħutna. Int li int Alla, li tgħix u ssaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Talba tal-Għasar tat-Tnejn tar-Raba’ Ġimgħa tas-Salterju

Għalkemm ġbidna numru ta’ dettalji dwar ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, jidher ċar li l-punt proprju li x-xena qiegħda tirrakkonta huwa l-ħin meta Ġesù kien ser jibqa’ miexi u d-dixxipli jistednuh jibqa’ magħhom. Il-ħmura fl-isfond turi li sar filgħaxija u anke l-fatt li hemm il-bini jikkonferma li daħlu fl-abitat. Dan tixhdu l-kitba li hemm fil-qrib tal-pittura mas-saqaf: Mane nobiscum—ibqa’ magħna.

Mane nobiscum hija l-karba tagħna li, filwaqt li nissahraw miegħu, nitolbuh biex ma jħalliniex waħedna. Hija s-supplika tagħna li filwaqt li ma nagħrfuhx fil-kobor kollu tiegħu nagħrfu li mingħajru ma nistgħux ngħaddu l-lejl tal-ħajja.