Tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ Ġesù flimkien mal-Appostli
Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji
r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara,
ta’ min ixandar is-sliem,
ta’ min iħabbar ir-risq,
ta’ min ixandar is-salvazzjoni,
u jgħid lil Sijon:
“Alla tiegħek isaltan!”
(Isaija 52, 7-8)
F’dawn il-Ħdud li fihom qed naqraw numru ta’ rakkonti dwar l-involviment tal-appostli fil-ministeru ta’ Ġesù, ser inpoġġu quddiemna għall-kontemplazzjoni tagħna waħda mit-tmien lunetti li nsibu fil-Bażilika ta’ Marija Assunta, il-Mosta, proprju dik li tirraffigura lil Ġesù mdawwar bl-appostli. Ix-xena tiżvolġi fuq post għoli li jħares għal fuq l-abitat. Il-post fil-għoli (għoljiet, muntanji, eċċ.) fl-istorja tas-salvazzjoni mhux biss għandu relevanza ġeografika imma wkoll tifsira teoloġika. Fir-rakkonti tal-ġrajjiet ta’ Mosè, il-post għoli huwa l-post fejn isseħħ il-laqgħa ma’ Alla u fejn Alla jagħti l-liġi lill-poplu.
San Mark u San Luqa wkoll ipoġġu l-għażla tat-tnax f’dan il-kuntest. San Mark jirrakkuntalna kif Ġesù “tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, u għażel tnax li semmiehom appostli” (Mk 3, 13-14a); filwaqt li San Luqa jispeċifika li din l-għażla sseħħ wara li Ġesù għadda lejl jitlob fuq l-għoljiet (Lq 6, 12-13). Għaldaqstant, l-għażla tat-tnax isseħħ frott dixxerniment (lejl fit-talb) u fil-post tar-rivelazzjoni u l-laqgħa ma’ Alla. Kull sejħa nisranija tlaqqagħna wiċċ imb wiċċ ma’ Alla u turina min hu Alla. Fl-istess waqt, tlaqqagħna wkoll wiċċ imb wiċċ ma’ min aħna fid-dgħufija tagħna u turina min aħna tassew fil-qalba tagħna u min imsejħin inkunu; tgħarrafna lilna nfusna u hekk tgħarrafna min aħna maħluqa li nkunu.
Quddiem l-għażla tal-Mulej li sejħilna biex inkunu dixxipli u xhieda tiegħu, ħalli l-Mulej iħares lejk u jurik min tassew int fil-verità sħiħa tiegħek u lejn liema milja trid tistinka sabiex ix-xbieha tiegħu fik tidher fl-aqwa tagħha.