Tieqa fuq dak li jmur lil hinn
L-Ewwel Riflessjoni dwar is-Soprakwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Valletta
It-Trinità, jiġifieri l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, hi qaddisa u perfetta, u fiha ma hemm xejn barrani, xejn li mhuwiex divin; fit-Trinità ma hemmx flimkien Persuna li hi l-Ħallieq ta’ kollox u Persuni oħra maħluqa qabel kollox, imma s-setgħa u l-qawwa li taħlaq u tagħmel hi tat-Tliet Persuni kollha flimkien. Fit-Trinità n-natura divina hi waħda u l-istess, kif waħda hi l-qawwa u waħda l-ħidma. Għaliex il-Missier bl-Iben fl-Ispirtu s-Santu jagħmel kollox, u hekk jibqa’ veru li Alla hu wieħed fi Tliet Persuni. Għalhekk il-Knisja tħabbar Alla wieħed li hu fuq kollox, b’kollox u f’kollox.
Fuq kollox bħala l-Missier, il-bidu u l-għajn ta’ kollox, b’kollox, jiġifieri bil-Verb, u fl-aħħarnett f’kollox jiġifieri fl-Ispirtu s-Santu.
San Atanasju, Epistola 1 ad Serapionem, 28-30 (PG 26, 594-595. 599)
Fil-Knisja tal-Franġiskani Konventwali fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, insibu altar iddedikat lil San Luqa b’pittura tal-istess Evanġelista huwa hu jpitter xbieha ta’ Marija Santissima, suġġett pjuttost komuni fir-rappreżentazzjoni ta’ dan il-qaddis—anke Malta għandna t-tradizzjoni li l-affresk tal-Madonna tal-Mellieħa huwa xogħol San Luqa. Dan il-kwadru hu pjuttost uniku għax fuqu nsibu l-arma tal-Familja Preti u taħtha l-ittri F. M. P. (Fra Mattia Preti, membru tal-Ordni ta’ San Ġwann), u d-data 1671. Probabbilment dan jindika li din l-opra setgħet kienet rigal ta’ Preti stess bħala membru tal-Konfraternità tal-Pitturi u Artisti li kienet marbuta ma’ dan l-altar.
Fuq dan il-kwadru nsibu soprakwadru li jirrappreżenta lit-Trinità Qaddisa, xogħol l-istess artist u probabbilment databbli għall-istess żmien. Mill-forma preżenti jidher li x-xogħol ġie maqtugħ, u allura possibbilment kien xi mkien ieħor u tqiegħed ma’ dan l-altar waqt wieħed mix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li saru fl-imsemmija knisja. Fil-fatt, il-figuri huma pjuttost ‘mgħaffġin’ f’xulxin, u anke ix-xagħar u l-id ix-xellugija ta’ Kristu ma jidħlux kollhom fit-tila preżenti.
Però, fir-riflessjoni tagħna llum, se niffukaw fuq il-kuntest preżenti ta’ dan ix-xogħol mhux daqstant kbir fil-qies imma fl-istess ħin mimli b’ħafna tifsir.
B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li dan il-kwadru għandu tifsila djagonali, mix-xellug in-naħa ta’ fuq ’l isfel għan-naħa tal-lemin. ’Il fuq mill-linja nsibu lill-Missier Etern u l-Ispirtu s-Santu li minn munqaru bħal donnu jinfirex raġġ ta’ dawl li jixgħel kważi b’dija l-ġisem mejjet tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li qiegħed taħt il-linja djagonali immaġinarja. Din it-tifsila djagonali toħroġ id-drammatiċità kollha tax-‘xena’ tal-ħidma tat-Trinità ad extra (ir-relazzjoni tat-Trinità mal-ħolqien) li tikxef ir-relazzjoni bejn il-persuni tat-Trinità ad intra (bejniethom): il-misteru tal-ħolqien, il-fidwa u t-tqaddis li jwassal għas-salvazzjoni, bħala konsegwenza naturali u rivelazzjoni tal-mħabba tal-Missier li sa minn dejjem tnissel lill-Iben, u l-Iben bla heda jerġa’ joffri lilu nnifsu lill-Missier bħala tweġiba għal din l-għotja ta’ mħabba, hekk li minnhom it-tnejn (jew mill-Missier permezz tal-Iben) sa minn dejjem jipproċedi l-Ispirtu Qaddis li fl-istess waqt iżomm taqbad ir-rabta bejniethom …
Dan hu misteru li jisboq dak li moħħna jista’ jasal li jifhem, imma permezz tal-arti u tal-immaġinazzjoni mdawla mill-Iskrittura Mqaddsa kapaċi tiftħilna tieqa li minnha tidħol fewġa ta’ arja ħelwa li tagħtina l-ħajja, timliena bl-imħabba, u tagħtina l-qawwa biex aħna wkoll noħorġu minna nfusna u nħallu l-ħajja, l-imħabba u l-qawwa ta’ Alla jfuru minna fuq ħutna.