Wieqfa taħt is-Salib
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Kruċifissjoni, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Ħares lejn il-Mulej imdendel quddiemek fuq l-għuda tas-Salib, għax hu obda sal-mewt tas-Salib. Huwa ma ġiex fid-dinja biex jagħmel ir-rieda tiegħu, imma biex jagħmel ir-rieda tal-Missier. Jekk trid tkun l-għarusa tal-Imsallab, għandek tiċċaħħad għalkollox mir-rieda tiegħek u m’għandux ikollok xewqa oħra għajr dik li twettaq ir-rieda ta’ Alla.
Edith Stein: Vita, Dottrina, testi inediti (Roma, 1987), 127-130.
Jekk fl-aħħar riflessjoni dwar l-Arazz ta’ Salib il-Mulej li jintrefa’ ’l fuq sabiex jiġbed il-bnedmin kollha lejh (ara Ġw 12, 32) rajna l-kuntrast bejn id-dgħufija qawwija ta’ Ġesù msallab u s-saħħa mbażwra tal-irġiel godlin li kienu qed jerfgħuh, illum se nikkuntrastaw lil dawn tal-aħħar man-nisa flimkien mad-Dixxiplu l-Maħbub li jkomplu jinsġu d-dinamika movimentata tax-xena. U hawn tolqotna l-ironija ta’ kif, minkejja li l-ġeneru femminili hu ppreżentat bħala iktar vulnerabbli u delikat, fil-ħajja konkreta għandu ħabta juri ruħu biċ-ċar iktar reżiljenti. Mhijiex ir-reżiljenza militari li hemm punt fejn se terħi, jew għax inkisbet ir-rebħa jew għax ġiet ikkonċeduta t-telfa. Hija r-reżiljenza li quddiem is-slaleb tal-ħajja tibqa’ wieqfa bħal Marija. Hija r-reżiljenza tal-indiema u l-konverżjoni bħal ta’ Marija ta’ Magdala, li possibbilment hi l-figura li nsibu eżatt ħdejn id-Dixxiplu l-Maħbub. Hija r-reżiljenza tal-età li tibqa’ tissara u ma ċċedix malajr minkejja t-tikmix u xejn snin biex tittrejjaq sew, kif jidher fil-figura anzjana man-nisa l-oħra tħares lejn is-Salib. Hija r-reżiljenza tal-maternità li minħabba fi wliedha ma ċċedix anke quddiem id-diżgrazzji u l-intwizzjoni tagħha dwar il-ġejjieni.
Din ix-xena b’xi mod tfakkarni fil-film Steel Magnolias tal-1989, fejn Shelby, waħda mill-karattri ewlenin, minkejja d-dijabete severa, tiżżewweġ u toħroġ tqila imma, ftit xhur wara l-ħlas u wara diversi interventi—fosthom id-donazzjoni ta’ kilwa minn ommha M’Lynn—tmut qasir il-għomor. Wara l-funeral, imdawra mill-karattri femminili kollha, filwaqt li taċċetta d-deċiżjoni ta’ bintha li tpoġġi ħajjitha fil-periklu għal ftit snin u xhur ta’ ferħ li ġġib magħha l-maternità, M’Lynn tosserva hekk:
I find it amusing. Men are supposed to be made out of steel or something. I just sat there. I just held Shelby’s hand. There was no noise, no tremble, just peace. Oh god. I realize as a woman how lucky I am. I was there when that wonderful creature drifted into my life and I was there when she drifted out. It was the most precious moment of my life.
Qed ngħixu f’dinja fejn vuċijiet estremisti u voċiferi kapaċi jkissru d-dinjità kemm ta’ dak li hu veru femminili u kif ukoll ta’ dak li hu verament maskili. Filwaqt li rroddu ħajr lil Alla ta’ dawk l-“ommijiet” li waqfu magħna f’diversi punti ta’ ħajjitna, nitolbuh ukoll il-grazzja li d-differenzi sesswali—u l-intoppi li xi minn daqqiet dawn iġibu magħhom—nagħrfuhom bħala don li jidher fis-sħuħija tiegħu fil-kumplimentarjetà u fil-valorizzazzjoni ta’ kull persuna.