Meta tkun xemx taqli l-ankri, bil-Malti ngħidu, “Lanqas kelb ma trid tara barra bħalissa!” Imma, irridu jew ma rridux, ikollna naċċettaw l-istat tagħna bħala agħar mill-kliem u jkollna noħorġu barra jew insuqu—jew, agħar u agħar, tinqabad fit-traffiku—fil-longa tas-sajf. Veru li llum ħafna vetturi, postijiet pubbliċi, u residenzi huma mgħammra bl-arja kkundizzjonata, imma l-fatt xorta waħda l-qilla tax-xemx tibqa’ dik li hi u, f’pajjiż li kulma jmur qed isir iktar deżert, l-effetti tagħha qed inħossuhom ġmielhom. Meta waqt il-quddiesa tal-Ħadd li għadda (it-Tlettax-il Ħadd Matul is-Sena A) smajt l-Evanġelju jinqara, laqatni ferm il-vers: “U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10, 42).
“Tazza ilma friska …” Ċertament, f’dawn il-jiem ta’ sħana kiefra, nistgħu nifhmu sewwa kemm taħjik u tħossok tieħu r-ruħ biha tazza ilma frisk meta tkun għaddej bix-xogħol minn ħaġa għal oħra, kemm jekk ix-xogħol tal-impjieg tiegħek, u kif ukoll ix-xogħol tad-dar jew fi ħdan il-Knisja. Nammira lil dawk in-nies ġeneralment anzjani li tarahom joffru tazza ilma friska—jew kafè fix-xitwa—lil dawk li jkunu qed jaħdmu f’xi post fil-qrib jew dawk li jkunu qed iduru t-toroq u jbiegħu l-ikel jew il-ħaxix mit-trakkijiet. U Ġesù ma jgħidx biss ilma imma “ilma frisk,” li fi kliema simili għal tagħna u fi żmien fejn friġġis ma kinux jeżistu, dan il-ġest kien ifisser ukoll li l-ilma kellu jittella’ dak il-ħin stess mill-bir jew l-għajn.
Imma dan il-ġest li tagħti tazza ilma ma jiqafx biss mal-karità u l-kompassjoni bażika għal min qed jinħaqar bis-sħana. Tfisser ħafna iktar minn hekk. Jekk xejn, tfisser li qed tirrikonoxxi lill-persuna l-oħra u l-ħidma tagħha. Tfisser li qed tirrikonoxxi l-umanità bil-għatx tagħha. U kultant iktar jaqta’ l-għatx il-ġest fih innifsu għax tħoss li xi ħadd ħaseb jew ftakar fik, minn kemm jaqta’ l-għatx bijoloġiku l-ilma kollu li tista’ toffri.
Jalla l-frustrazzjoni bis-sħana u l-iskumdità tagħha ma jisirqulniex din l-umanità bażika li nkunu attenti għall-bżonn tal-ieħor u x’inhu l-għatx veru tiegħu sabiex l-imħabba ta’ Kristu li taħdem fija jkollha l-libertà li tersaq u tnewwel dak li jista’ jagħti l-ħajja qalb in-nixfa.