Sliema għalik, Marija … Qaddisa Marija Omm Alla … Ammen. Sliema għalik, Marija … U fil-frattemp moħħi ma nafx eżatt fejn mar u donni ma nistax nieqaf nittewweb! Imbierka l-kuruna tar-Rużarju għax kieku anke f’liema posta wasalt jibda jiġini d-dubju. Imma tgħid jgħoddli? Nittama li iva. Wara kollox, veru li l-ħsibijiet dwar x’fadalli nagħmel u kif se nagħmlu għid li kollha waqt ir-Rużarju jiġu, imma tal-anqas xorta waħda nkun għażilt li niddedika ħin biex, flimkien ma’ Marija, nieqaf quddiem il-misteru ta’ Binha Ġesù. U nittewweb għax inkun trankwill, nitbennen minn din l-Omm ħanina.
Niftehmu: Xi minn daqqiet mhux biss id-distrazzjonijiet ikunu l-problema għax dawk sa ċertu punt jiġu waħedhom u ma tistax tikkontrollahom! Ġieli ma jkollix wisq aptit nitlob. Iżdaa fil-ħajja ħafna affarijiet nagħmluhom mhux għax ikollna aptit imma għax nifhmu l-bżonn tagħhom u l-impenn li ħadna. It-talb hu wieħed minnhom, u dan it-talb xorta jgħodd għax huwa sinjal ta’ fedeltà matura.
U, meta tiġi xi ġurnata minn dawk li fihom inkun bla sabar, dik il-kantaliena tibda tinnervjani xi ftit u nħossha monotona … forsi għax neħel biss mal-istruttura jew l-emozzjoni ‘korretta’ li suppost ikolli waqt it-talb, u ma nagħmilx il-qabża li ma’ Marija sempliċiment noqgħod inħares lejn Ġesù kif kienet tħares lejh hi.
Imma ħej, meta moħħi jkun mifqugħ u bl-ebda mod ma jista’ jikkalma, dik il-kantaliena monotona ssir salvazzjoni għax f’ċerti sitwazzjonijiet lanqas forza ma jkollna li nitolbu. Qalbna tant tkun imtaqqla’ u moħħna jkun qisu ferrovija li l-unika talba li tkun tista’ tfur minna tkun katina ta’ talb bl-amment li, minkejja li ma nagħtuhx wisq valur għax inħossuna mhux nitolbu, fil-verità nkunu qegħdin nibqgħu niggranfaw sod mal-kuruna tar-Rużarju li sservi ta’ katina bis-Salib bħala ankra li żżommna f’postna minkejja l-mewġ …
Wara kollox, la Alla u lanqas Marija m’għandhom bżonn il-kliem artikolat preċiż tagħna, imma qalbhom tistenna minna biss li nduru lejhom għax it-talb mhuwiex xi ħaġa li nagħmlu aħna bil-ħila tagħna. Aħna nistgħu biss noħolqu spazju, wisa’ għal Alla biex ikun jista’ jidħol f’qalbna u jieħu ħsiebna. U forsi l-monotonija tar-Rużarju taf tkun l-unika salvawomu li jżommna fil-wiċċ … dik l-aħħar ċima—jisima Marija—li Alla jwaddab lejna sabiex ma negħrqux …
U ħelu ħelu wasalt fis-Salve Reġina u l-Litanija, l-istess kif ħelu ħelu jistgħu jgħaddu l-jiem ta’ dan ix-xahar iddedikat lir-Rużarju bla ma nkunu waqafna mqar għal posta waħda kuljum biex ningħaqdu ma’ Marija fit-talb. Imma ħelu ħelu huwa wkoll possibbli li ħajjitna ssir donnha din il-kuruna ta’ talb, misteri, u approfondiment tal-Evanġelju u t-Tradizzjoni li qajla qajla jqarrbuna ftit iktar lejn is-Sema.