Ġest mill-iktar importanti waqt il-quddiesa huwa meta, qabel it-Tqarbin, is-saċerdot jaqsam fi tnejn l-Ostja kkonsagrata l-kbira li jitqarben biha hu. Dan huwa ġest mill-iktar ċentrali tal-quddiesa u, sa mill-bidu nett tal-Knisja, kien il-ġest li jfisser iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija nnifisha, tant li fl-Atti tal-Appostli nsibu diversi referenzi għall-Insara li kienu jinġabru fl-ewwel jum tal-ġimgħa—il-Ħadd, jum il-qawmien tal-Mulej mill-imwiet—sabiex jaqsmu l-ħobż (Atti 2, 42. 46; 20, 7. 11; ara wkoll 1 Kor 10, 16). It-tifsira ta’ dan il-ġest hija wkoll pjuttost faċli biex wieħed jaqbadha, u dan għaliex huwa l-istess ġest li jagħmel Ġesù fl-aħħar ċena li jiġi mtenni f’kull quddiesa skont il-kmand tiegħu: “agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22, 19; 1 Kor 11, 23-25).
F’artiklu ieħor konna diġà spjegajna x’tifsira għandha l-azzjoni tas-saċerdot li jitfa’ biċċa mill-Ewkaristija maqsuma u jpoġġiha fil-kalċi (ara l-artiklu: Għaliex il-qassis jaqsam biċċa mill-Ewkaristija u jpoġġiha fil-kalċi?). Imma xi ħaġa oħra li tolqotna f’dan il-ħin huwa li, waqt li l-ġemgħa titlob il-litanija Ħaruf ta’ Alla …, is-saċerdot ma jkunx qed jitlob mal-ġemgħa? Xi jkun qed jiġri dan il-ħin?
Dak il-ħin is-saċerdot ikun qed jgħid waħda mill-ftit talbiet tal-quddiesa li jgħid waħdu minn taħt l-ilsien. Hija wkoll waħda mill-ftit talbiet fil-quddiesa li huma indirizzati lil Ġesù—ħafna mit-talb hu indirizzat lill-Missier permezz ta’ Kristu. U r-raġuni għalfejn is-saċerdot jgħid din it-talba waħdu hija espressjoni tal-intimità li hemm bejn l-Ewkaristija u s-saċerdozju: is-saċerdot—ċelibi fir-Rit Ruman—qabel ma jirċievi l-Ewkaristija jgħid talba li fiha jindirizza lill-imħabba ta’ ħajtu. Huwa jitolbu li jiġi msaffi mill-ħtijiet tiegħu u fl-istess waqt imsaħħaħ fil-fedeltà tiegħu lejn Kristu.
Il-Missal Ruman joffri żewġ talbiet sabiex is-saċerdot jagħżel waħda minnhom:
Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj, bil-mewt tiegħek, kif ried minnek il-Missier, u bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, Int tajt il-ħajja lid-dinja: b’dan il-Ġisem u d-Demm qaddis tiegħek eħlisni minn ħtijieti kollha u minn kull ħażen, żommni dejjem fidil lejn il-kmandamenti tiegħek, u tħallini qatt ninfired minnek.
jew:
Mulej Ġesù Kristu, nitolbok li din it-tqarbina bil-Ġisem u d-Demm tiegħek ma tkunx il-kundanna tiegħi, iżda għall-ħniena tiegħek, tkun għalija l-ħarsien u l-fejqan ta’ ruħi u ġismi.
Issa li taf xi jkun qed jitlob il-qassis f’dan il-ħin tal-quddiesa, tajjeb li tagħmel l-istess intenzjoni u tiftakar ukoll xi ftit fil-qassis li jkun qed iqaddes għax anke hu għandu bżonn it-talb!