Bħalma jagħmlu ħafna nies, l-għada tal-Milied ma sajjarniex imma kilna milli kien fadal mill-jum ta’ qabel. U, billi fl-aħħar jien tal-Milied kont ftit ma niflaħx, għalkemm ma skirtx, xrobt ftit żejjed peress li ma kellix għalfejn insuq. U, meta nixrob ftit żejjed, jiġrili bħalma ġralu Isaija f’dak il-qari li qrajna f’wieħed mill-Ħdud tal-Avvent meta tiġi fid-dubju jekk kienx ftit xurban meta ħolom f’dinja kollha tama fejn l-ors u l-baqra jirgħu flimkien (ara Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet).

Xħin lestejna u poġġejt rasi fuq l-imħadda, ma nafx kif ġietni f’moħħi d-diska What’s another year? li biha l-kantant Irlandiż Johnny Logan rebaħ għall-ewwel darba l-Eurovision fl-1980. It-titlu b’xi mod jorbot mal-bidu ta’ sena ġdida. Imma, meta fittixt il-lirika, laqtitni l-istorja ironika ta’ kif inkitbet: filwaqt li d-diska titkellem dwar l-esperjenza ta’ ġuvni li kien għadu joħlom li t-tfajla tal-ħolm tiegħu għad tieħu grazzja miegħu, fil-verità l-awtur kiteb il-lirika meta kien għadu kemm tilef lil ommu u qed jara lil missieru jitħabat biex jaċċetta li l-imħabba ta’ ħajtu kienet mietet.

U din l-ironija ta’ qsim il-qalb ġagħlitni nistaqsi lili nnifsi llum, li ngħix tnejn u erbgħin sena wara, għalija xi tfisser sena ġdida, sena oħra: what’s another year? X’se ġġib din is-sena ma nistax ngħid: għandna sinjali li jiftħu quddiemna xefaq sħiħ ta’ possibiltajiet, kemm negattivi u kif ukoll pożittivi. Imma żgur li ż-żmien tal-bidu tas-sena jrid iservi biex nirrikonċiljaw ruħna mal-istejjer jew l-imħabbiet, il-fallimenti u d-diżappunti tal-passat li issa nbidlu u spiċċaw, u nħabbtu wiċċna mal-istejjer u l-imħabbiet preżenti li qegħdin ngħixu bħalissa mhux b’ħarsa limitata jew b’qalbna diġà maqtugħa—bħad-diska ta’ Johnny Logan—imma b’fiduċja u tama: b’fiduċja fl-imħabbiet li nbidlu għax aħna kuljum ninbidlu u allura jeħtieġ li l-imħabba tagħna timmatura kuljum fiż-żwieġ, fil-familja, fil-gruppi u komunitajiet reliġjużi tagħna, fuq il-post tax-xogħol, ħbiberiji; tama li l-passat mhuwiex garanzija tal-futur, u allura ma jfissirx li se nibqa’ dejjem nagħmel l-istess żbalji imma hemm wisa’ għall-konverżjoni; b’fiduċja li mit-terrapin tal-fallimenti huwa possibbli li tisponta ħajja ġdida u sabiħa li tagħti l-frott; tama li ma nibqgħux imwaħħlin u diżappuntati—l-ewwel u qabel kollox bina nfusna—imma nitgħallmu nilqgħu lilna nfusna kif aħna, midinbin u dgħajfa, mhux b’kompromess mal-ħażin imma bi ħniena u mogħdrija magħna nfusna li ftit ftit trattbilna qalbna u nsiru iktar kapaċi nħennu u nagħdru lil ħaddieħor.

U dan nistgħu nagħmluh għax nafu li m’aħniex waħedna imma l-Knisja tibdilna s-sena ċivili ġdida b’idna f’id Omm li tgħożż f’qalba mhux biss l-istejjer ta’ Binha imma wkoll l-istejjer tagħna u, ta’ omm li hi, tgħożżhom f’qalbha u taħseb fuqhom, timxi magħna u taħseb fina, ma tinsina qatt.

What’s another year? X’inhi sena oħra? X’se tkun tfisser dis-sena ġdida? Ma nafux x’se ġġib magħha, imma ċ-ċertezza li m’aħniex waħedna għax niffurmaw parti minn familja, minn komunità, minn Knisja; iċ-ċertezza fil-ħarsien kontinwu ta’ Omm li tista’ tara sal-qalba ta’ ruħna; l-isforz biex tkun sena oħra ta’ mixja wara l-Mulej … dan kollu għandu jimliena b’biżżejjed kuraġġ biex ma niqfux; ma nċedux minkejja l-ostakli u d-diffikultajiet kontinwi; ma neħlux nibku l-passat, imma nibqgħu mexjin għax nafu ma’ min mixjin u lejn fejn mexjin—għal-laqgħa definittiva ma’ Ġesù li tittrasformana f’xebh sħiħ miegħu u tgħaqqadna flimkien ma’ dawk li diġà qasmu l-pont tal-eternità u fl-istennija li aħna wkoll u dawk għeżież għalina naslu fl-istess post ta’ dak l-hena u barka li ma tispiċċa qatt.

What’s another year? X’tiswa sena oħra mal-kumplament? Tista’ ma tfisser xejn għax ninħlew niġru wara r-riħ, u tista’ tfisser ħafna jekk bħal Marija nibqgħu ngħożżu f’qalbna dawn il-ħwejjeġ kollha (anke l-ikrah) u naħsbu fuqhom bejnha u bejn ruħna b’fiduċja u tama li tagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin, biex, bħar-rgħajja, minkejja li qed nerġgħu lura eżatt fejn ħallejna l-affarijiet qabel it-tokki ta’ nofsillejl tal-aħħar jum tas-sena, il-ħarsa tagħna hi mimlija tama u ħeġġa ġdida hekk li qalbna hi mimlija bit-tifħir li jista’ jkun ta’ xhieda għal min bħalna qiegħed jogħdos ġot-tajn imma m’għandux l-istess tama u l-istess fiduċja fl-għajnuna tal-grazzja u fil-ħarsa protettiva ta’ Marija.