Fil-parroċċa tagħna għandna tradizzjoni li għall-festa tal-Innoċenti Martri, li tiġi ċċelebrata fit-28 ta’ Diċembru, ngħattu l-Bambin b’velu vjola. Il-velu huwa dik il-biċċa drapp kwadra li tkun skont il-kulur liturġiku u biha jitgħatta l-kalċi—norma liturġika li maż-żmien intilfet kważi għal kollox. L-użu tal-lewn vjola huwa simbolu tan-niket għat-telfa ta’ dawn it-trabi, u kien ukoll il-kulur liturġiku li kien jintuża għal din il-festa sal-1961, meta mbagħad beda jintuża l-lewn aħmar, kif għadu jintuża sal-lum.
Sintendi, xħin in-nies jaraw il-Bambin mgħotti, minkejja li l-ħaġa ilha ssir għal numru ta’ snin, jibdew jistaqsu għalfejn il-Bambin hu mgħotti. U t-tweġiba tkun, “Dak biex ma jarahx Erodi!” Ikun hemm min jinteressa ruħu, u jkun hemm ukoll min jaħseb li qed tgħaddih biż-żmien—u xi ftit ikollu raġun.
Lili xi ftit tfakkarni f’wieħed mill-istadji tal-iżvilupp tat-trabi meta għall-ewwel ma jkollhomx il-ħila li jagħrfu l-permanenza tal-oġġetti minkejja li dawn ma jkunux qed jarawhom. Huwa għalhekk li meta nibdew nilgħabu ma xi tarbija jew ngħattu wiċċna jew naħbu xi pupu u nibdew nistaqsu, “Fejn mar, e, fejn ħarab?” u tara għajnejn it-tarbija jħufu ’l hemm u ’l hawn. Imbagħad tikxef wiċċek jew terġa’ turiha l-pupu u dlonk tara t-tarbija tidħak.
Naħseb li Erodi kien mentalment żviluppat biżżejjed hekk li kellu din li bl-Ingliż tissejjaħ object permanence, tant li qatel ħafna nies, inkluż uħud minn uliedu stess, biex iserraħ moħħi li ma jibqgħux ta’ ostaklu għalih.
Tista’ tidher tradizzjoni xi ftit redikola jew sempliċiment gustuża. Imma naħseb li, bħal Erodi li ma jarax it-tarbija Ġesù, aħna wkoll ikollna xi ftit it-tendenza li bħat-trabi ma jkollniex is-sens tal-permanenza tal-oġġetti—f’dan il-każ is-sens ta’ permanenza ta’ Ġesù … meta noħorġu barra mill-knisja u nerġgħu lura għall-ħajja normali daqslikieku ma ġara xejn … meta l-kuxjenza tant ma nħalluhiex tiddawwal mill-Evanġelju li mbagħad tiġġustifikana f’kollox … meta nibqgħu niggustaw il-Bambin imma lil Ġesù adult, assertiv, qaddej u mislub nippreferu ma nħarsux lejh, bħal donnu Ġesù l-Bambin u Ġesù r-raġel mhumiex l-istess Iben ta’ Alla li sar wieħed minna biex isalvana.
Ma nafx intix se tgħattih il-Bambin jew le. Wara kollox, kulma hi tradizzjoni mingħajr l-ebda tifsira teoloġika profonda. Imma jalla ma tgħattihx f’ħajtek lil Ġesù, mhux għax tibża’ li l-Erodijiet ta’ żmienna jsibuh, imma għax tittama li ma jarakx tgħix ħajtek kif jogħġob lilek u mhux kif jogħġob lilu.