Element importanti tal-Velja tal-lejl tal-Għid huwa l-ilma u r-rit solenni tat-tberik tiegħu, fejn l-ilma jiġi mbierek billi l-blandun jitniżżel għal darba jew tliet darbiet fil-fonti tal-Knisja, il-ġuf tal-Knisja-Omm li qed jiġi mogħti l-ħajja minn Kristu sabiex fih jitnisslu ulied ġodda permezz tal-magħmudija.

Però dan l-ilma u l-grazzja tiegħu mhijiex biss għal dawk li tgħammdu f’dak il-lejl l-iktar qaddis tas-sena tal-Knisja. L-ilma jiġi mraxxax fuq il-ġemgħa kollha wara li b’leħen wieħed tiċħad lix-xitan u d-dnub u ġġedded l-istqarrija tal-fidi tagħha fi Kristu. U, anke għal dawk li ma ħadux sehem fil-velja jew lanqas għadhom jiftakru eżatt fejn hu l-bieb tal-Knisja … anke għal dawn hemm ilma biżżejjed f’dawn il-ħamsin jum hekk kif is-saċerdoti u d-djakni jduru d-djar u l-familji tal-parroċċi tagħna sabiex, permezz tat-traxxix tal-ilma kull fejn jiġu milqugħa, jitwassal is-sliem ta’ Kristu Rxoxt u l-ħelsien minn kull jasar li dan iġib miegħu.