Fi Żmien l-Għid il-knejjes tagħna jitlibbsu bil-lewn abjad, u l-qassis jilbes ħwejjeġ bojod fil-quddiesa. Bil-misteru tal-Għid, iseħħ dak li ħabbar Isaija, meta qal li, imqar jekk dnubietna huma ħomor bħall-iskarlat u l-kremżi, isiru bojod bħas-silġ u s-suf … is-suf tal-ħrief, lewn il-ħaruf tal-Għid. Anke meta Ġesù tbiddel quddiem Pietru, Ġakbu u ħuh Ġwanni biex jurihom min tassew kien—l-Iben maħbub li fih il-Missier sa minn dejjem isib l-għaxqa tiegħu—l-Evanġelisti jgħidulna li lbiesu sar “abjad bħad-dawl” (Mt 17, 2), ta’ “bjuda li tgħammex” (Lq 9, 29), tant li “ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk” (Mk 9, 3)—ovvjament, għax dil-bjuda kienet togħma tad-dija tas-sema (ara Dan 12, 3).

U, iva, l-abjad jibqa’ jintuża tul il-ħamsin jum għax, anke jekk għalina l-Maltin l-Għid qisu x-xalata tal-għada tal-festa, wara li għaddew ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira, fil-verità, l-Għid HUWA l-festa. Għalhekk ngħidulu l-Għid il-Kbir—qisek qed tgħid il-festa tal-festi. U dan jgħodd għal Żmien l-Għid kollu, u għall-ħajja kollha tagħna għax, minkejja li hija nisġa ta’ waqtiet miksura min-niket u oħrajn mogħnija bil-ferħ, kif għallimna nkantaw Dun Karm fl-Innu ta’ Filgħaxija, f’dan kollu aħna nġorru l-libsa l-bajda li rċevejna fil-Magħmudija li, bħala sinjal tad-dinjità tagħna ta’ wlied Alla, jeħtieġ li nżommuha fuqna bla tebgħa sal-ħajja ta’ dejjem.