Fil-Velja tal-lejl tal-Għid, is-Sibt tard filgħaxija, bla dubju jsaħħarna l-kuntrast bejn id-dlam u d-dawl: filli l-knisja mitfija kważi għal kollox u f’daqqa waħda, mat-tħabbira tal-wasla tad-dawl ta’ Kristu u l-glorja tal-qawmien tiegħu, jinxtegħel id-dawl. Imma qabel did-dehra ta’ dawl u dija, is-skiet u dlam ta’ Sibt il-Għid jibda jiċċarrat bil-fjamma ċkejkna tal-blandun—dik ix-xema’ twila, simbolu ta’ Kristu Rxoxt, li warajha jimxi s-saċerdot u l-poplu, wara li tiġi mixgħula min-nar il-ġdid imbierek barra l-knisja u, għall-ewwel darba, titkanta t-tħabbira: “Id-dawl ta’ Kristu,” u lkoll inwieġbu, “Irroddu ħajr lil Alla,” sakemm aħna wkoll nixegħlu x-xemgħa ċkejkna tagħna mill-blandun biex nieħdu sehemna minn dan id-dawl qaddis u nimxu wara Kristu għax, kif qalilna hu stess: “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8, 12).

Għalhekk, jekk dal-ġranet tmur il-knisja biex tieħu sehem fil-quddiesa u tara l-blandun mixgħul, serraħ moħħok li mhux bi żball għax Ħamsin! U iktar ukoll għax, kif wegħidna Ġesù nnifsu: “Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja” (Ġw 9, 5). U dan sabiex, kif stqarr is-saċerdot huwa u jixgħel il-blandun: “Id-dawl ta’ Kristu, li qam glorjuż mill-imwiet, mill-qalb u l-fehma tagħna jkeċċi d-dlamijiet.”