Diġà għadda xahar mill-Għid il-Kbir, u probabbli ma fadallekx wisq figolli. Madankollu, xorta waħda għadek fiċ-ċans li tkompli tiffanga għax l-Għid mhuwiex ġurnata imma Ħamsin! Figolli miksijin bil-ġelu jew biċ-ċikkulata, skont il-gosti tal-individwu. Ta’ kull qies u forma, għalkemm dik tradizzjonali hija l-forma ta’ ħaruf li tfakkarna fi Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla li neħħa d-dnubiet tad-dinja.

U altru tixtrihom lesti, u altru jkunu maħdumin u moħmijin id-dar, l-aktar dawk li jkunu mimlijin, mhux bl-intrina jew b’forom oħra ta’ mili, imma bil-lewż pur! Anke l-lewż innifsu huwa simbolu divin! Fl-ikoni Griegi tal-qawmien, id-dija kaħla madwar Kristu għandha forma ta’ lewża, isfel għat-tond u ġejja għall-ponta n-naħa ta’ fuq, fid-direzzjoni lejn is-sema. Lill-Profeta Ġeremija, meta jsejjaħlu biex iqiegħdu bħala profeta fuq il-ġnus u s-saltniet, Alla jurih fergħa ta’ lewża (bl-Ebrajk שָׁקֵ֖ד, šā·qêḏ) għax, bħalma hija l-ewwel li twarrad qrib il-bidu tar-rebbiegħa (qrib l-Għid), hekk ukoll Alla jgħasses (שֹׁקֵ֥ד, šō·qêḏ)fuq kelmtu biex din isseħħ (ara Ġer 1, 11-12).

Allur’għidli kif tista’

ma dduqx, bħas-Salmista (Salm 34, 9),

kemm hu tajjeb il-Mulej,

ukoll jekk wara tiġi fl-inkwiet mad-dentista!