Fl-erbgħin jum tal-Għid niċċelebraw it-tlugħ tal-Mulej fis-sema. Kif jirrakkuntalna San Luqa, wara l-qawmien tiegħu, Ġesù baqa’ jidher lid-dixxipli għal erbgħin jum qabel ma kien meħud fis-sema (Atti 1, 3). Imma xorta waħda l-ferħ tal-Għid ikompli jiġi mfakkar sal-ħamsin jum għax l-istorja ma kinitx se tieqaf hemm: kien fadal l-Ispirtu s-Santu! Nifirħu flimkien mal-istess dixxipli li, “mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla” (Lq 24, 50-53).
Imma minn fejn ġejja l-kelma Lapsi? Il-kelma ‘Lapsi’ ġejja mill-kelma Griega ἀνάληψις (análēpsis), li litteralment tfisser “teħid ’il fuq,” u għaldaqstant tfisser bl-istess lingwaġġ Bibliku l-misteru tar-ritorn ta’ Ġesù lura fi ħdan il-Missier.
Imma allura għalfejn nifirħu għat-tluq ta’ Ġesù? Nifirħu għax, kif jgħid San Ljun il-Kbir:
Bit-tlugħ tal-Mulej fis-sema, in-natura tagħna l-bnedmin, fi Kristu, quddiem il-ġemgħa bla għadd tal-henjin, għoliet aktar ’il fuq mill-qtajja’ kollha tas-smewwiet … u ma kien hemm xejn xi jżommha milli titla’ dejjem aktar ’il fuq sa ma tasal u tidħol quddiem il-Missier, biex tissieħeb miegħu fil-glorja, fuq il-lemin tiegħu, kif issieħbet mal-Iben fin-natura tiegħu ta’ Alla.
Sermo de Ascensione, 2-4, PL 54.395-396




