U issa fl-aħħar verament wasal Għid il-Ħamsin! “Imma veru ħamsin?” nistħajlek tistaqsi. Għax, jekk tgħodd il-jiem u l-ġimgħat ta’ Żmien l-Għid—sebgħa għal seba’ darbiet—tispiċċa b’total ta’ disgħa u erbgħin. Imma, jekk tibda minn Ħadd l-Għid, illum jaħbat il-ħamsin jum, kif tfisser il-kelma Pentekoste (Πεντηκοστή) bil-Grieg.

Festa li anke l-Lhud jiċċelebrawha fil-ħamsin jum mill-festa tal-Għid tagħhom—magħrufa bħala שָׁבוּעוֹת (šāvūʿōṯ), litteralment “ġimgħat”—li fiha jfakkru meta waslu ħdejn is-Sinaj, il-muntanja fejn Alla ta l-Liġi Mqaddsa lil Mosè wara li ħelishom mill-jasar tal-Eġittu. Kienet ukoll ċelebrazzjoni radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-ħsad tar-rebbiegħa. Kienet waħda minn tliet festi li għaliha l-Lhud kienu jagħmlu pellegrinaġġ għat-tempju. Fil-fatt, fir-rakkont tal-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin fl-Atti tal-Appostli, insibu kif f’Ġerusalemm kien hemm Lhud “twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema” (Atti 2, 5).

F’dan il-ħamsin, il-Knisja tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq it-Tnax u d-dixxipli miġbura jistennew li sseħħ din il-wegħda ta’ Ġesù! Ħasbuhom fis-sakra n-nies li kien hemm Ġerusalemm, qishom għadhom ġejjin għall-marċ tal-festa. Imma, wara li semgħu lil Pietru, huma wkoll xtaqu jiskru bħalhom: jiskru bil-ferħ tas-salvazzjoni li seħħet permezz ta’ Ġesù u li kulħadd seta’ jgawdi minnha bid-don tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ħamsin jum għaddew, imma l-istorja ma tiqafx hawn. Dakinhar bdiet tinkiteb paġna ġdida fl-istorja tal-poplu ta’ Alla. U jalla, anke għalik, il-Ħamsin ma jkunx l-għeluq imma tkompli tikteb u tħalli tinkiteb permezz tiegħek l-istorja tal-imħabba ta’ Alla lejna l-bnedmin.