Is-skiet ta’ Alla tas-Sagrament tal-Ewkaristija jgħaġġibna għax ma jippruvax jiġbidna lejh b’daqq ta’ fanfarri. Is-skiet ta’ Alla tas-Sagrament tal-Ewkaristija għaldaqstant jista’ wkoll ifixkilna f’dinja li hu b’saħħtu l-iktar min jgħajjat u jagħmel l-iktar storbju.
Nistħajjel li fl-Ewkaristija, is-skiet ta’ Alla bħal donnu joffrilna siġġu fis-salott tiegħu—f’daru, li hi wkoll darna—sabiex inkunu nistgħu nitkellmu bil-libertà u nferrgħu t-tnehid ta’ qalbna u l-weġgħat ta’ ruħna mħeddla. Is-skiet li fl-istess ħin ma jisforzaniex biex nitkellmu … jekk irridu, nistgħu ma ngħidu xejn u noqogħdu niggustaw il-preżenza ħelwa tiegħu u nħalluh jurina li hu jitgħaxxaq bina ħdejh, ukoll jekk ħwejjiġna mimlijin trab tal-ħajja, u ġisimna maħmuġ bid-dnub. L-ispazju tiegħu huwa spazju miftuħ għal kulħadd, imma hu wkoll stedina għal kulħadd biex isir jixbhu. Iħobbna u jħaddanna kif aħna, imma, għax tassew iħobbna, jixtieq li aħna wkoll miegħu nkunu nistgħu rressqu offerta safja, ħierġa minn kuxjenza safja.
It-twiddiba tas-skiet tiegħu mhijiex frosta imma hija stedina ta’ mħabba, bħal dik li l-Appostlu Pawlu jagħmel lill-Insara ta’ Ruma: “Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla.” F’dan il-kliem, San Pietru Krisologu—isqof u duttur tal-Knisja li għex bejn ir-raba’ u l-ħames seklu—jistħajjel lill-Mulej innifsu jkellimna, anzi “jitlobna”:
Isma’ l-Mulej jitlobna: Araw, araw fija l-ġisem tagħkom, il-membri kollha ta’ ġisimkom, qalbkom, għadamkom, demmkom. Jekk intom tibżgħu minn dak li hu ta’ Alla, kif ma tħobbux dak li hu tagħkom? X’ma tħobbux minn dak li hu tagħkom? Jekk taħarbu ’l Alla, fittxu almenu dak li hu qaribkom!
Forsi tistħu minħabba l-kefrija tal-passjoni li ġegħltuni nġarrab. Tibżgħux. Is-salib ma kienx moħqrija għalija; kien moħqrija mhux għalija iżda għall-mewt. Dawn l-imsiemer ma weġġgħunix imma kebbsu fija l-imħabba għalikom. Dawn il-pjagi ma joħorġux tnehid minn qalbi, iżda f’qalbi jdaħħlu lilkom. Ġismi stendut fuq is-salib ma żidlix l-uġigħ, imma wessa’ qalbi għalikom. Demmi ma ntilifx, imma nxtered bi ħlas għalikom.
Ejjew, mela, u erġgħu lura u araw x’missier jien għalikom! Jien nagħtikom il-ġid għad-deni li għamiltuli, l-imħabba għat-tkasbir li bih kasbartuni, il-ħeġġa kbira tal-imħabba għall-pjagi kbar li tajtuni.
San Pietru Krisologu, Sermo 108, PL 52.499-500
X’se tkun issa t-tweġiba tiegħek għal dan il-kliem kollu mħabba li żgur il-Mulej Ġesù jlissen fis-skiet ta’ qalb kull wieħed u waħda minna, kull meta nkunu quddiemu? Taħrabx mis-skiet, terġax lura. Qim bis-skiet mingħajr kliem, inti u tagħraf ix-xejn tiegħek, imma wkoll tagħraf ix-xejn li għalih hu xxejjen għalik. Agħraf, u la tibżax. U wieġeb. Wieġeb b’tifħir sieket, b’radd il-ħajr, bid-dmugħ ta’ hena. Wieġeb billi tħalli lil ruħek ittiegħem dil-benna tas-sema u l-fwieħa ħelwa ta’ dak li hu l-isbaħ fost ulied il-bnedmin u li l-ħlewwa hi msawba fuq xufftejh (ara Salm 45, 3).




