Is-Saltna ta’ Alla qisha żerriegħa tal-mustarda
Il-Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B
O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn; agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk fir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
F’dan ir-rakkont, Kristu jagħmel użu mill-parabboli biex jiddeskrivi s-saltna ta’ Alla. L-ewwel jitħaddet dwar ir-raġel li jferrex iż-żerriegħa mal-art. Għalkemm ir-raġel ma jkunx preżenti l-ħin kollu, iż-żerriegħa tinbet u l-ħxejjex jikbru. Anzi dan isir l-aktar fis-satra.
Imbagħad Kristu jiddeskrivi s-saltna ta’ Alla permezz ta’ waħda mill-aktar parabboli magħrufa, dik taż-żerriegħa tal-mustarda. Minn waħda mill-iżgħar żrieragħ, din issir siġra tassew kbira, hekk li t-tjur jiġu jistkennu taħt il-friegħi tagħha.
X’inhu l-messaġġ li jrid iwassal Kristu? Il-bidu ta’ kollox huwa ċ-ċokon. Naraw iċ-ċokon taż-żerriegħa li, flimkien mal-ħidma tal-bniedem, din tilħaq il-milja tagħha fis-siġra jew il-prodott aħħari. Ħafna drabi, il-ħidma tal-bniedem ma ssarrafx f’riżultati viżibbli b’mod immedjat. Madankollu, il-proċess tal-kobor ikun qed iseħħ, lil hinn minn kull għajn tal-bniedem.
Daqshekk ieħor is-saltna ta’ Alla. Alla huwa preżenti fil-ħajja tagħna; mhux distakkat mill-ħajja tal-bniedem. Huwa attiv fil-ħajja tal-bniedem. Ta’ min niftakru wkoll li l-bidu tal-milja tas-salvazzjoni seħħet permezz tal-Inkarnazzjoni; permezz taċ-ċokon ta’ Alla biex jissieħeb fil-ħajja tal-bniedem. Ħafna mis-snin li Kristu qatta’ fuq din l-art ma nafu xejn dwarhom, għajr meta twieled u l-aħħar tliet snin ta’ ħajja pubblika tiegħu. Però ta’ min niftakru wkoll li f’dak is-skiet u silenzju kien hemm il-preparazzjoni għall-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Kristu biex jibda jxandar u jwettaq is-saltna ta’ Alla fuq din l-art. Is-saltna ta’ Alla, imbagħad, kellha tkompli tinbena permezz tan-nifs li l-Ispirtu nefaħ fuq id-dixxipli. Dan kollu minkejja d-difetti tal-bnedmin u l-isfidi li sabu ma’ wiċċhom.
In-nuqqas apparenti ta’ riżultati anke fil-ħajja spiritwali tagħna jista’ jkun ta’ xkiel għalina u jaqtagħlna qalbna. Però niftakru li dawn il-parabboli li Kristu jgħallimna (kif ġie spjegat fi tmiem dan ir-rakkont) jurina li, apparti messaġġ, dawn qed iwasslu fatt. Hekk kif in-natura tieħu ż-żmien biex tilħaq il-milja tagħha, dan jgħodd ukoll għas-saltna ta’ Alla u l-ħajja spiritwali tal-bniedem. F’dinja fejn imdorrijin b’ħafna azzjoni u riżultati viżibbli b’mod immedjat, dan l-Evanġelju joffrilna sfida. Is-saltna ta’ Alla ma sseħħx bil-viżjoni tal-bniedem iżda b’mod gradwali imma sod, qisu Alla qed jimxi dan il-vjaġġ mal-bniedem biex jgħallmu u jgħinu jikber ftit ftit. Kif jgħid il-Papa Franġisku, din is-saltna ta’ Alla li tikber hija “espressjoni tal-qawwa u t-tjubija ta’ Alla.”
- Mulej, għinni nħallik issaltan fil-ħajja tiegħi. Għinni noffrilek l-aqwa rigal li nista’ nagħti—dak tal-fiduċja. Għinni ħalli nkun mezz biex tkompli tinxtered is-saltna tiegħek.
- Għinni niftakar li meta l-istorja tal-bniedem tiżviluppa b’mod li jidher kuntrarju għar-rieda tiegħek, Mulej, kif igħid il-Papa Franġisku, nafda aktar fl-azzjoni siekta iżda qawwija tiegħek.