Is-Saltna ta’ Alla qisha żerriegħa tal-mustarda

Il-Ħdax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Isma l-Evanġelju Mk 4, 26-34

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.”

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha.”

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Mk 4, 26-34


Riflessjoni

F’dan ir-rakkont, Kristu jagħmel użu mill-parabboli biex jiddeskrivi s-saltna ta’ Alla.  L-ewwel jitħaddet dwar ir-raġel li jferrex iż-żerriegħa mal-art.  Għalkemm ir-raġel ma jkunx preżenti l-ħin kollu, iż-żerriegħa tinbet u l-ħxejjex jikbru.  Anzi dan isir l-aktar fis-satra. 

Imbagħad Kristu jiddeskrivi s-saltna ta’ Alla permezz ta’ waħda mill-aktar parabboli magħrufa, dik taż-żerriegħa tal-mustarda.  Minn waħda mill-iżgħar żrieragħ, din issir siġra tassew kbira, hekk li t-tjur jiġu jistkennu taħt il-friegħi tagħha.

X’inhu l-messaġġ li jrid iwassal Kristu?  Il-bidu ta’ kollox huwa ċ-ċokon. Naraw iċ-ċokon taż-żerriegħa li, flimkien mal-ħidma tal-bniedem, din tilħaq il-milja tagħha fis-siġra jew il-prodott aħħari.   Ħafna drabi, il-ħidma tal-bniedem ma ssarrafx f’riżultati viżibbli b’mod immedjat.  Madankollu, il-proċess tal-kobor ikun qed iseħħ, lil hinn minn kull għajn tal-bniedem. 

Daqshekk ieħor is-saltna ta’ Alla.  Alla huwa preżenti fil-ħajja tagħna; mhux distakkat mill-ħajja tal-bniedem.  Huwa attiv fil-ħajja tal-bniedem.  Ta’ min niftakru wkoll li l-bidu tal-milja tas-salvazzjoni seħħet permezz tal-Inkarnazzjoni; permezz taċ-ċokon ta’ Alla biex jissieħeb fil-ħajja tal-bniedem.  Ħafna mis-snin li Kristu qatta’ fuq din l-art ma nafu xejn dwarhom, għajr meta twieled u l-aħħar tliet snin ta’ ħajja pubblika tiegħu.  Però ta’ min niftakru wkoll li f’dak is-skiet u silenzju kien hemm il-preparazzjoni għall-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Kristu biex jibda jxandar u jwettaq is-saltna ta’ Alla fuq din l-art.  Is-saltna ta’ Alla, imbagħad, kellha tkompli tinbena permezz tan-nifs li l-Ispirtu nefaħ fuq id-dixxipli. Dan kollu minkejja d-difetti tal-bnedmin u l-isfidi li sabu ma’ wiċċhom.

In-nuqqas apparenti ta’ riżultati anke fil-ħajja spiritwali tagħna jista’ jkun ta’ xkiel għalina u jaqtagħlna qalbna.  Però niftakru li dawn il-parabboli li Kristu jgħallimna (kif ġie spjegat fi tmiem dan ir-rakkont) jurina li, apparti messaġġ, dawn qed iwasslu fatt.  Hekk kif in-natura tieħu ż-żmien biex tilħaq il-milja tagħha, dan jgħodd ukoll għas-saltna ta’ Alla u l-ħajja spiritwali tal-bniedem.  F’dinja fejn imdorrijin b’ħafna azzjoni u riżultati viżibbli b’mod immedjat, dan l-Evanġelju joffrilna sfida.  Is-saltna ta’ Alla ma sseħħx bil-viżjoni tal-bniedem iżda b’mod gradwali imma sod, qisu Alla qed jimxi dan il-vjaġġ mal-bniedem biex jgħallmu u jgħinu jikber ftit ftit.  Kif jgħid il-Papa Franġisku, din is-saltna ta’ Alla li tikber hija “espressjoni tal-qawwa u t-tjubija ta’ Alla.”

  • Mulej, għinni nħallik issaltan fil-ħajja tiegħi.  Għinni noffrilek l-aqwa rigal li nista’ nagħti—dak tal-fiduċja. Għinni ħalli nkun mezz biex tkompli tinxtered is-saltna tiegħek.
  • Għinni niftakar li meta l-istorja tal-bniedem tiżviluppa b’mod li jidher kuntrarju għar-rieda tiegħek, Mulej, kif igħid il-Papa Franġisku, nafda aktar fl-azzjoni siekta iżda qawwija tiegħek.