“Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”


Mk 4, 35-41

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”


Riflessjoni

Bla ma rrid, is-silta tal-lum toħodni lura għas-27 ta’ Marzu tas-sena l-oħra meta Papa Franġisku għamel dak il-mument straordinarju ta’ talb fi żmien il-pandemija.

Ir-rakkont jiftaħ billi jdaħħalna fl-ambjent ta’ “filgħaxija”. Ġesù stess jieħu l-inizzjattiva u jistieden lid-dixxipli jaqsmu għax-xatt l-ieħor. U d-dixxipli semgħu minnu u qasmu għax-xatt l-ieħor kif talabhom l-Imgħallem. Imma dak li ltaqgħu miegħu fuq il-baħar ħasadhom, ma kinux qed jobsruh. Qamet tempesta kbira. Il-mewġ beda jibla’ kulma jsib u saħansitra beda dieħel l-ilma fid-dgħajsa. U dak li talabhom jaqsmu għax-xatt l-ieħor kien donnu indifferenti għal dak kollu li kien qed jiġri. Kien rieqed fil-poppa fuq l-imħadda! Kif tista’ torqod f’ċirkostanza bħal dik? U hawnhekk niltaqgħu mal-ewwel mistoqsija li nsibu fir-rakkont: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” Il-bniedem li jistaqsi lil Alla. Il-bniedem li jisfida lil Alla. Qajmuh. Mhux biex iwaqqaf it-tempesta. Mhux biex jgħinhom jissieltu kontra l-mewġ. Qajmuh għax kienu ddispjaċuti li hu donnu ma kienx jimpurtah minnhom. U Ġesù qam minn fuq l-imħadda u għamel dak li ma talbuhx. Sikket it-tempesta bħalma jsikket lil wieħed imxajtan. U r-riħ u l-mewġ obdewh, semgħu minnu … u waqgħet kalma kbira.

Imma r-rakkont ma jiqafx hawn. Ir-rakkont jagħlaq bi djalogu bejn Ġesù u d-dixxipli. Wara li rebaħ lill-għadu estern (it-tempesta), issa Ġesù jindirizza lill-għadu intern … dak ta’ ġewwa (in-nuqqas ta’ fidi). U hawnhekk niltaqgħu mat-tieni mistoqsija, did-darba fuq fomm l-Imgħallem: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela m’għandkomx fidi?” Issa jmiss lil Alla li jisfida lill-bniedem. Issa kien imiss lil Ġesù li jkun iddispjeċut għax dawk li kellu miegħu ma kinux jafdawh … ma kinux jafuh. Ir-reazzjoni tad-dixxippli għal din il-mistoqsija ta’ Ġesù kienet waħda ta’ “biża’ kbir”. Imma l-biża’ li qabadhom issa ma kienx l-istess tip ta’ biża’ li kellhom ftit mumenti qabel, meta kienu se jintilfu. U proprju hawn niltaqgħu mat-tielet u l-aħħar mistoqsija fir-rakkont. Mistoqsija li tipponta lejn l-identità ta’ Ġesù: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

Rakkont tal-qari fl-ewwel persuna:


Talba

Bħalma kien semma l-Papa Franġisku, huwa faċli nilmaħ lili nnifsi f’dar-rakkont. Id-diffiċli hu li nifhem l-imġiba tiegħek, Ġesù. Imma jiena nixtieqek … jiena rridek fid-dgħajsa tiegħi, imqar rieqed! Għax bik miegħi fid-dgħajsa xejn ma jgħarraqni.

Inti ikbar mill-maltemp. Inti ikbar mill-istess mewġ li dieħel ġewwa. U, fuq kollox, Inti ikbar mill-istess biża’ tiegħi. Jiena nafdalek ħajti f’idejk. Aħfirli li xi kultant jiġuni d-dubji u saħansitra nkun iddispjeċuta, speċjalment meta narak rieqed. Imma l-preżenza tiegħek hija biżżejjed. Għallimni nafdak, anke meta tkun sieket … anke meta tkun rieqed. Għax Inti waħdek taf tnissel il-kalma fil-qalb tiegħi.

Ammen.