Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!

Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!

It-Tlettax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena – B
Mark 5, 21-43

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.

Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: ‘Min messni?’” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.


Riflessjoni

Naħseb li kultant, avolja ngħidu li nemmnu, imma Evanġelju bħal dan qisu jħallina bla kliem u ma nindunawx li dan qed jikxef xi ħaġa importanti ħafna għalina d-dixxipli tal-Mulej.

Fl-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Għerf, insibu din l-istqarrija: “Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja; u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.” U s-soluzzjoni għax-xitan li jgħir għall-bniedem ma kienet l-ebda programm jew strateġija imma persuna: Ġesù.

“Kien għalhekk li deher l-Iben ta’ Alla, biex iħott kulma għamel ix-Xitan”

(1 Ġwanni 3, 8).

Dan l-Evanġelju (li fih naraw mara mgħakksa minn marda għal tnax-il sena u tfajla ta’ tnax-il sena li mietet) hu sfida għalina. Kemm nemmnu li Ġesù kapaċi, illum ukoll, ifejjaq il-mard u jqajjem lill-mejtin? Bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesù wera li hu Alla u li dak li għamel għandu konsegwenzi eterni. Kemm il-maħfra u kemm il-ħelsien huma esperjenza ta’ miljuni ta’ nies li jemmnu f’Ġesù.

Donnu l-Ispirtu s-Santu qed jgħid lill-Knisja b’din il-Kelma biex temmen bħal dik il-mara u bħal Ġajru u martu. Jemmnu li Ġesù kapaċi jfejjaq mard fiżiku. Qisna qed nisimgħu xi ħrafa. Imma din mhix ħrafa. Din verità li ssaħħaħ il-fidi f’Ġesù Bin Alla u Messija. Hu Messija li jfejjaq il-mard kollu, li jaħfer id-dnubiet kollha, li jħenn għax hu tajjeb.

“Min messli l-mantar?”

Nistgħu nkunu bħad-dixxipli u nistagħġbu x’tip ta’ mistoqsija hi din ta’ Ġesù. Jew nistgħu nkunu bħal dik il-mara li stqarret il-fidi tagħha qabel ma ħasset il-miraklu fiha:

“Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa.”

Mark 5, 28

Dik stqarrija ta’ fidi. Quddiem il-mard tiegħi, quddiem il-mard ta’ madwari, jien x’tip ta’ fidi għandi f’Ġesù li jfejjaq?

“Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.”

Stqarrija oħra ta’ fidi f’Ġesù li jfejjaq. Hawn għandna ċar li element tal-fidi hu ċ-ċertezza, il-garanzija li Ġesù kapaċi jagħmel dan. Imma ngħid jien, Ġesù nbidel matul is-sekli? Kien ifejjaq u m’għadux? Żgur li le! Ma rridux inkunu bħal dawk in-nies fid-dar ta’ Ġajru li meta semgħu x’kapaċi jagħmel Ġesù u għalfejn ġie fid-dar, bdew jiddieħqu bih. Ġesù jkeċċi lil min ma jemminx. Mhux se naraw mirakli jekk ikollna fostna min iwaqqa’ għaċ-ċajt is-setgħa ta’ Ġesù li jfejjaq illum il-mard tal-ġisem. Ġesù ħalla l-ministeru ta’ dan il-fejqan sopranaturali f’idejn id-dixxipli tiegħu. Aħna jdejh li jitqegħdu fuq il-morda. Tagħna l-fidi li ċċaqlaq il-muntanji. Imma ma jridx ikun hemm dubji. Inti bħala dixxiplu tal-Mulej Ġesù kemm tħoss li hu importanti li temmen li Ġesù kapaċi jfejjaq illum? X’qed tagħmel biex ikollok jew tkabbar din it-tip ta’ fidi?