Fil-qalba stess tal-missjoni ta’ Kristu
Għadna kif iċċelebrajna l-ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda tal-Insara, li tibda bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar. Matul din il-ġimgħa, l-Insara madwar id-dinja jipparteċipaw f’ottava taʼ talb għall-għaqda Nisranija, fid-dawl tat-talba taʼ Ġesù waqt l-aħħar ċena, “biex ilkoll ikunu ħaġa waħda” (Ġw 17, 21).
Madankollu, l-impenn għall-għaqda fost l-Insara mhuwiex ristrett għal ġimgħa fis-sena. Dan il-moviment lejn l-għaqda fost l-Insara jissejjaħ ukoll “moviment ekumeniku,” mill-Grieg “oikumene” li tirreferi għad-“dinja abitata kollha.” Għalhekk, il-Moviment Ekumeniku huwa l-moviment lejn l-għaqda bejn id-diversi knejjes u tradizzjonijiet ekkleżjali.
Il-Moviment Ekumeniku beda b’riżultat tal-Konferenza Missjunarja Dinjija ta’ Edinburgu fl-1910. Il-missjunarji ġejjin mill-irkejjen l-iktar imbiegħda tad-dinja kienu qed jixhdu l-iskandlu tal-knejjes u t-tradizzjonijiet maqsuma u d-diffikultà li dan ħoloq biex jippritkaw il-verità essenzjali tal-Evanġelju.
Minn dak iż-żmien, u bl-involviment tal-Knisja Kattolika f’dan il-moviment wara l-Konċilju Vatikan II, l-ekumeniżmu sar triq indispensabbli fil-mixja ta’ kull Nisrani. Kif jgħid San Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika tiegħu Ut unum sint (Ha jkunu lkoll ħaġa waħda): “Din l-għaqda, li l-Mulej ta lill-Knisja tiegħu u li fiha jixtieq iħaddan lill-bnedmin kollha, mhix xi ħaġa miżjuda, imma hija fil-qalba stess tal-missjoni ta’ Kristu” (par. 9).
Il-Moviment Ekumeniku jikxef il-fraġilità u d-dgħufija tal-bnedmin bħala parti mill-Knisja pellegrina fil-mixja tagħha lejn il-glorja. Huwa fatt li l-ġrajjiet tal-istorja li kkawżaw il-firda xorta jistgħu jagħmlu ħsara. Għalhekk hekk kif iterrqu flimkien, id-diversi knejjes u tradizzjonijiet iridu jħarsu lejn dik l-istorja b’mod onest sabiex jipproġettaw sens ta’ fiduċja lejn il-futur.
Tradizzjonijiet Insara differenti għandhom ħafna x’joffru lil xulxin. Tabilħaqq,
mill-ġid jew mill-elementi li minnhom, meħudin ilkoll flimkien, il-Knisja nnifisha tinbena u tiegħu l-għajxien tagħha, xi wħud, anzi ħafna minnhom u xi wħud mill-ogħla fosthom, jistgħu jinstabu barra mill-limiti viżibbli tal-Knisja kattolika: il-Kelma ta’ Alla miktuba, il-ħajja tal-grazzja, il-fidi, it-tama u l-karità u doni interni oħra tal-Ispirtu s-Santu u elementi viżibbli oħra.
Unitatis Redintegratio, par. 3
L-ekumeniżmu ma jfissirx konverżjoni għal Knisja jew tradizzjoni oħra. Lanqas mhu biss dwar is-soluzzjoni tad-differenzi dottrinali. Filwaqt li ħarġu ħafna djalogi bilaterali, b’livelli differenti ta’ suċċess, huwa fatt li l-ekumeniżmu jikkonċerna lil kull Nisrani. Filwaqt li hemm differenzi dottrinali, madankollu, l-ekumeniżmu jibda mill-għeruq, mill-qalb ta’ kull min jemmen. Jeħtieġ li nkunu kontinwament mibdula hekk kif il-ħarsa tagħna tiffoka fuq Kristu glorjuż, sabiex fl-umiltà negħlbu kull biża’ fil-laqgħa ma’ Insara differenti. Id-differenza m’għandhiex tbeżżagħna imma għandha titqies bħala opportunità biex nitgħallmu mill-ieħor u nsiru nsara aħjar u iktar sħaħ.
Mulej, ħallini nħares lejn ir-responsabbiltà tiegħi fil-mod kif weġġajt lil sħabi l-Insara b’modi differenti. Ħallini, bl-umiltà, naċċetta d-dgħufija tiegħi u nkun miftuħ għall-imħabba kontinwa tiegħek, hekk kif naħdem biex inħobb lill-proxxmu tiegħi, hu min hu.
Mulej, nirringrazzjak tal-opportunità li tajtni biex nitgħallem mill-oħrajn. Ħa niftakar, fl-umiltà, li għandi bżonn nitgħallem ħafna mill-oħrajn biex nifhem aħjar. Agħmel li ma nibżax mid-differenzi waqt li nkun xhieda tal-imħabba tiegħek u sod fit-twemmin tiegħi.
Mulej, għinni niftakar li jien strumentali biex inġib il-paċi u nibni l-pontijiet. Żommni fil-grazzja tiegħek sabiex ngħix aħjar l-impenn għall-għaqda nisranija fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum.