Oħroġ u Itlob

Fi tmiem il-quddiesa, is-saċerdot idur lejn il-ġemgħa u jgħid, “Morru fil-paċi ta’ Kristu,” u l-ġemgħa miġbura twieġeb, “Irroddu ħajr lil Alla.” Forsi nistgħu nqisuha bħala sempliċi tislima tal-aħħar—“Il-quddiesa spiċċat. Tistgħu tmorru.” Imma fit-tradizzjoni liturġika tal-Punent hija proprju din it-tislima li tagħti identità liċ-ċelebrazzjoni kollha. Hu minn din l-aħħar tislima tas-saċerdot—bil-Latin Ite missa est—li l-quddiesa tieħu isimha (missa, ara KKK, par. 1332). Din il-parti ċkejkna tal-quddiesa għandha tifsira ferm qawwija u sservi ta’ fus jew ċappetta li fuqha ddur il-ħajja nisranija. Permezz ta’ dan il-kliem-kmand, f’isem Kristu aħna niġu mibgħuta (missio) ’l barra b’missjoni.

Il-liturġija mhijiex magħluqa fiha nnifisha imma proprju tiftaħna għar-realtà sabiex hemmhekk ngħixu dak li esperjenzajna b’qawwa. Il-laqgħa mal-Mulej fit-talb, fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija twassalna biex noħorġu u nfittxuh sabiex niltaqgħu miegħu fl-uċuħ ta’ ħutna u fiċ-ċirkostanzi konkreti. Hemmhekk jeħtieġ li nwasslu l-aħbar it-tajba tal-ħelsien ta’ Kristu. Hemmhekk jeħtieġ li naqsmu l-ħajja tagħna u ningħataw bħala ikel lil ħutna. Mil-laqgħa mar-realtà jeħtieġ li nerġgħu lura għat-talb sabiex irroddu ħajr u ninterċedu.

Għaldaqstant, minn ħmistax ilu ’l hawn sar tibdil fis-sit beHOLD.mt sabiex ġiet introdotta din il-paġna ġdida bl-isem Oħroġ u itlob ser tkun iktar iffukata fuq id-dimensjoni mgħixa tal-liturġija. Dimensjoni li hija mdawla mill-kontemplazzjoni tal-misteru ċċelebrat u fl-istess waqt tħalli r-realtà tforni l-‘materjal’ għal din l-istess kontemplazzjoni—kontemplazzjoni fl-azzjoni.

F’din il-paġna ser jidhru artikli marbutin ma’ mumenti tas-sena li mhumiex direttament ta’ natura liturġika jew suġġetti relatati mat-tagħlim u l-mixja tal-Knisja. Flimkien mal-Lectio Divina, l-akkumpanjament fit-talb u l-artikli l-oħrajn ta’ formazzjoni, din il-paġna għandha sservi ta’ għajnuna konkreta għall-għixien tal-missjoni nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna