Element sinonimu mal-purċissjoni bl-istatwa tal-Irxoxt nhar Ħadd il-Għid huwa bla dubju l-ġirja bl-Irxoxt. Din saret prattikament sinonima ma’ dawn il-purċissjonijiet, hekk li dawk preżenti lkoll ikunu qed jistennew il-mument li fih, wara li l-abbatini u l-kleru jkunu mxew biċċa sew ’il quddiem, ir-reffiegħa bil-vara fuq spallithom jaqbdu r-rankatura li, biex inkunu għedna kollox, ġieli wkoll spiċċat xi ftit ħażin.
Jingħad li, wara dan l-“ispettaklu,” jistgħu jkun hemm għeruq storiċi marbutin ma’ restrizzjonijiet ta’ żmien l-Ingliżi dwar it-tul tal-ħin tal-purċissjonijiet u li, biex jiġu evitati l-multi imposti, l-aħħar parti kellha ssir bil-ġiri biex ma jinqabiżx il-limitu stipulat. Żgur li din it-tradizzjoni kienet stabbilita sew sal-ewwel terz tas-seklu li għadda. U dan nifhmuh mill-fatt li l-Konċilju Reġjonali ta’ Malta tal-1935 ipprojbixxa dawn il-ġirjiet bi xbihat qaddisa. Imma, meta għaddiet il-gwerra, dawn il-ġirjiet reġgħu nbdew, partikularment f’Bormla u l-Birgu, u l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi ta’ dak iż-żmien għalqu għajnejhom.
Imma biex din il-ġirja ma tkunx biss spettaklu u ssib postha f’purċissjoni li, l-ewwel u qabel kollox, hija azzjoni liturġika, jeħtieġ li din it-tradizzjoni b’għeruq daqshekk fondi fl-immaġunarju tagħna ta’ Ħadd il-Għid tkun marbuta ma’ tifsira teoloġika li tirrifletti l-qalba ta’ dak li niċċelebraw f’dan iż-żmien tal-Għid. Bla dubju, il-ġirja hija espressjoni tal-ferħ, mhux biss il-ferħ li nkunu flimkien u nissoċjalizzaw, imma, fuq kollox, il-ferħ li ġġib magħha l-aħbar it-tajba tal-qawmien tal-Mulej mill-mewt. Dan hu l-ferħ li jista’ jiġborna u jgħaqqadna flimkien tassew.
Ukoll, fil-ġrajjiet Bibbliċi tal-qawmien, insibu rrakkuntati numru ta’ ġirjiet, mhux biss lejn il-qabar—li xorta waħda għadhom immarkati mid-dlam tas-Sibt (ara Ġw 20, 3-4)—imma wkoll il-ġirjiet ’l hemm mill-qabar, frott il-laqgħa mal-Mulej ħaj u l-mandat li jwasslu dik l-aħbar. Naraw lin-nisa, ewlenija fosthom Marija ta’ Magdala, li jmorru jiġru biex jagħtu l-aħbar tal-qawmien lid-dixxipli (Mt 28, 8; Lq 24, 9). Naraw lid-dixxipli ta’ Għemmaws li, xħin jifhmu li kienu qattgħu ġurnata mal-Mulej ħaj, jerġgħu lura malajr Ġerusalemm biex jaqsmu din il-bxara (Lq 24, 33). Hija ġirja mmarkata mill-qalb imkebbsa (Lq 24, 32) għax fiha qed iġorru lill-Mulej biex jaqsmuh mal-oħrajn.
Jalla, fil-ġirja bla nifs tal-ħajja, aħna wkoll inġorru f’qalbna lill-Mulej u, ukoll jekk imġarrbin, naqsmu l-ferħ tiegħu ma’ ħutna—ferħ li jmur lil hinn mill-ewforija ta’ mument imma li jrid jinfiltra f’kull mument tal-eżistenza tagħna u li jsib postu anke fl-isfidi ta’ kuljum.