Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2022.
Salm 146 (147A)
Is-setgħa u t-tjieba tal-Mulej Lilek, o Alla, infaħħru: lilek b’Mulej nistqarru.
Faħħru l-Mulej, † għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna; * għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej, * jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael. Hu jfejjaq il-qlub maqsuma, * hu jorbot il-ġrieħi tagħhom. Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb; * kollha jsejħilhom b’isimhom. Kbir Sidna l-Mulej, u ta’ qawwa kbira; * bla tarf id-dehen tiegħu. Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej, * u jniżzel sa l-art il-ħżiena.
Għannu lill-Mulej innu ta’ radd il-ħajr; * doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna. Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet, † iħejji għall-art ix-xita, * u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet. Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom, * u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajtu. Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel, * anqas b’riġlejn l-irġiel b’saħħithom. Jitgħaxxaq il-Mulej b’min għandu l-biża’ tiegħu, * u b’min jittama fit-tjieba tiegħu.
Glorja.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/