B’mod popolari, is-Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema hija magħrufa bħala Lapsi. Għandna anke xi postijiet f’Malta li jġibu dan l-isem. L-użu ta’ din il-kelma turi l-influwenza tal-Knisja tal-Lvant fuq l-istorja tal-fidi nisranija f’Malta. Il-kelma ‘Lapsi’ ġejja mill-kelma Griega ἀνάληψις (análēpsis), li xi minn daqqiet tintuża wkoll, flimkien ma’ kliem ieħor, biex tiddeskrivi din il-festa fil-knejjes tal-Lvant. Litteralment, il-kelma tfisser “teħid ’il fuq”, u allura tfisser bl-istess lingwaġġ Bibliku l-misteru tar-ritorn ta’ Ġesù lura fi ħdan il-Missier.
Din il-kelma nsibuha użata darba biss fit-Testment il-Ġdid, meta l-Evanġelista Luqa, biex jagħti bidu għall-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm li jifforma l-qalba ċentrali tan-narrattiva kollha ta’ Luqa, jikteb hekk:
Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.
Luqa 9, 51
Għalkemm f’terminoloġija differenti, dan id-diskors ta’ tluq insibuh ukoll fid-diskorsi waqt l-aħħar ċena li nsibu fl-Evanġelju skont San Ġwann. F’dak il-punt, it-tħabbira tat-tluq tikkawża dwejjaq fid-dixxipli. Imma wara l-laqgħa miegħu rxoxt u t-tlugħ tiegħu fis-sema, id-dixxipli narawhom mimlijin ferħ:
Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.
Luqa 24, 50-53
Mhux ta’ b’xejn li din il-festa hija waħda mill-festi tradizzjonali Maltin li magħhom kien hemm marbuta x-xalata ħdejn il-baħar. U San Ljun il-Kbir f’omelija tiegħu għal din il-festa jgħid x’inhi ir-raġuni tal-ferħ tagħna llum għax, mhux biss Kristu imma wkoll l-umanità tagħna kienet ‘meħudha ’l fuq’:
U kellhom għaliex jifirħu. Bit-tlugħ tal-Mulej fis-sema, in-natura tagħna l-bnedmin, fi Kristu, quddiem il-ġemgħa bla għadd tal-henjin, għoliet aktar ’il fuq mill-qtajja’ kollha tas-smewwiet bid-dinjità kollha tagħhom, għaddiet l-ordnijiet kollha tal-Anġli, intrefgħet ’il fuq mill-Arkanġli, u ma kien hemm xejn xi jżommha milli titla’ dejjem aktar ’il fuq sa ma tasal u tidħol quddiem il-Missier, biex tissieħeb miegħu fil-glorja, fuq il-lemin tiegħu, kif issieħbet mal-Iben fin-natura tiegħu ta’ Alla.
San Ljun il-Kbir, Sermo de Ascensione, 2-4 (PL 54.395-396)