L-istituzzjonijiet pubbliċi

Istituzzjonijiet pubbliċi bħal gvern, parlament, qrati, korpi tal‑infurzar tal‑liġi u tas‑sigurtà nazzjonali, soċjetà ċivili, sistema tas‑saħħa u skejjel, dawn kollha jiffurmaw il‑ħajja tagħna flimkien u huma responsabbli għall‑ħarsien tal‑futur tagħna bħala nazzjon. Dawn l‑istituzzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li mhux biss jippromwovu l‑ġustizzja: jeħtieġ li wkoll jidhru li huma ġusti u qed jaqdu l‑ġid komuni. Għandhom ukoll jagħtu s‑saħħa lil dawk li huma vulnerabbli u leħen lil dawk li m’għandhomx, sabiex inkunu nistgħu nibnu u nħarsu n‑narrattiva komuni ta’ dak li jagħmilna poplu wieħed li jfittex li jsawwar ħajtu flimkien fuq din id‑daqsxejn ta’ gżira msieħba fl‑Unjoni Ewropea u fil‑komunità ikbar tan‑nazzjonijiet. It‑tkabbir sostenibbli tan‑nazzjon tagħna jiddependi fuq kemm għandna l‑ħila nikkollaboraw fit‑tul flimkien u ma’ popli oħra flok nitmexxew mill‑interessi egotistiċi tagħna tal‑mument.

Jeħtieġ li l‑istituzzjonijiet kollha tagħna jedukaw favur ir‑responsabbiltà ċivili u mhux għall‑gratifikazzjoni istantanja; li jrawmu sens ta’ kooperazzjoni iktar milli kompetizzjoni; li jfittxu l‑konverżjoni ekoloġika li tagħti kas tal‑effetti ħolistiċi u reċiproċi tal‑azzjonijiet tagħna, iktar milli ninħlew naħsbu biss fuq dak li jinteressana bħalissa.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 46)