L-ispazji fejn in-nies jiltaqgħu

Ma jistax ikun hemm soċjetà mingħajr dawk l‑ispazji fejn in‑nies jiltaqgħu biex jistrieħu mix‑xogħol tagħhom ta’ kuljum; jiddjalogaw dwar interessi komuni; jaqsmu l‑ideat; irawmu spirtu kreattiv u intraprenditorjali; jikkollaboraw fi proġetti komuni; u jibnu futur aħjar flimkien. Soċjetà b’saħħitha tista’ tiffjorixxi meta kulħadd, b’mod speċjali ż‑żgħażagħ u t‑tfal—u anke bejn ġenerazzjonijiet differenti— jistgħu joħolmu flimkien, jibnu stejjer flimkien, u jinsġu identità komuni permezz tal‑ispirtu kreattiv tagħhom. F’dawn l‑ispazji, l‑Ispirtu jixtieq jiżra’ ż‑żerriegħa li twassal għall‑frott fil‑ġejjieni.

Permezz tal‑membri kollha tagħha, il‑Knisja mhux biss jeħtieġ li tieħu sehem fid‑dibattitu pubbliku biex tikkollabora mal‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba; imma għandha wkoll ir‑responsabbiltà li tkun hi stess spazju ta’ djalogu fejn kulħadd hu mistieden jiltaqa’ u jieħu sehem attiv fil‑ħidma politika u ekonomika biex tinbena kultura ta’ żvilupp ekoloġiku integrali.

Permezz tat‑tradizzjoni għanja tagħha fejn tidħol ir‑riflessjoni dwar il‑ġid tal‑bniedem, u r‑rabta tagħha mal‑arti u x‑xjenzi naturali u umani, il‑Knisja lokali għandha r‑responsabbiltà li tikkultiva kultura ta’ ħbiberija fil‑kuntest Malti li kulma jmur qed isir iktar imħallat b’razez u twemmin differenti.

Dan jgħodd b’mod speċjali għaż‑żgħażagħ tagħna li, bid‑dispożizzjoni naturali tagħhom li jesploraw, li jaħsbu b’modi ġodda, li jesperimentaw, li jkunu iktar ħfief biex joffru l‑id tal‑ħbiberija u allura malajr jibnu pontijiet fejn il‑persuni, mhux biss huma simbolu ta’ ħajja ġdida, imma huma wkoll tant meħtieġa għall‑bini tal‑futur tas‑soċjetà.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 45)