Il-Periferiji fejn jgħammru dawk li huma vulnerabbli

L‑ispazju privileġġat fejn Kristu jixtieq jiltaqa’ mal‑magħżulin tiegħu u joffrilhom ħajja ġdida, hu proprju fil‑vulnerabbiltà tagħhom, qalb it‑tbatija tagħhom. Għalhekk, il‑missjoni tad‑dixxipli li jagħtu xhieda trid titwettaq l‑ewwel u qabel kollox “fl‑isptar fil‑kamp wara l‑battalja” għax hemmhekk hemm l‑ikbar xewqa umana għal Alla li jsalva.

Imma f’art fejn naħsbu li nafu kollox fuq kulħadd, mhux dejjem ikun ċar fejn qegħdin il‑“periferiji” u dawk li qed ibatu. Il‑foqra huma dejjem fostna u nistgħu wkoll nidentifikawhom: immigranti trawmatizzati minn vjaġġi perikolużi; dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom jew jgħixu f’kundizzjonijiet diżumani; nies bi problemi ta’ dipendenza jew ta’ saħħa fiżika u mentali; l‑anzjani u l‑familji b’ġenitur wieħed; tfal u żgħażagħ qalbhom maqtugħa dwar il‑futur.

Imma kultant lanqas dawn il‑kategoriji sterjotipati ta’ min huma “l‑foqra” ma jkunu biżżejjed għax hemm ukoll tbatija moħbija fejn l‑inqas tistennieha. U nistgħu nsiru “għomja” jew “indifferenti” għal dak li drajna naraw: l‑anzjani jitħabtu mas‑solitudni; dawk li qed jibku t‑telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom; tfal li qed jiġu traskurati u abbandunati emozzjonalment; il‑ġar li qed isofri minn abbuż fuq il‑post tax‑xogħol; familji maqbuda f’kunflitt matrimonjali; ommijiet waħedhom mingħajr sapport; il‑vittmi ta’ abbuż domestiku; il‑kollega maħkum mill‑ansjetà; sħabek li qed jieħdu ħsieb membru marid tal‑familja tagħhom.

Ir‑responsabbiltà ewlenija tal‑Knisja hija li tkun b’għajnejha u widnejha miftuħa għall‑krib ġej mill‑periferiji. B’hekk nistgħu tassew inkunu attenti u nwieġbu għal ħtiġijiet ta’ dawk fostna li huma miġruħin—hi kemm hi moħbija t‑tbatija tagħhom.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 44)