Fl-antifona tat-talba tal-għasar tal-festa tat-twelid ta’ Marija nitolbu: “Verġni Omm Alla, it-Twelid tiegħek ħabbar il-ferħ fid-dinja kollha.” Nirreferu għal Marija bħala dik li welldet il-ferħ fid-dinja għaliex Marija hi bħal dak l-għasel, bħal dak l-għanqud għeneb, bħal dak il-ħalib li meta Mosè bagħat l-ispjuni fl-art imwiegħda biex jaraw x’hemm, dawn marru Ġeriko u sabu għasel, għeneb u ħalib, u l-poplu beda jħares lejn il-futur b’tama. Il-poplu beda jifraħ għaliex l-art li kienet qed tistennieh kienet art li tissodisfah, art li ser tagħtih jixrob, art li ser tagħtih x’jiekol.
Marija hi wkoll bħal dik l-isħaba li ra Elija fil-bogħod, li fissret li ġejja x-xita wara sentejn nixfa. Min jiltaqa’ ma’ Ġesù bħal Marija, isib il-ferħ. Fi kliem il-Papa Franġisku f’Gaudete et Exsultate (par. 123-124), il-profeti ħabbru ż-żmien ta’ Ġesù bħala rivelazzjoni tal-ferħ: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!” (Żak 9, 9). Minn kull fejn għadda Ġesù, “in-nies ilkoll ferħu” (Lq 13, 17). Ġesù jridna nkunu ferħanin: “Għidtilkom dan kollu biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15, 11).
Marija hija dik il-mara li tistedinni biex nibni l-ferħ fija nnifsi, li nibni l-ferħ fir-relazzjonijiet tiegħi mal-oħrajn, u wkoll li ma naqtax qalbi quddiem il-problemi. Marija sabet il-ferħ tagħha għaliex ħalliet l-Evanġelju jinfluwenza l-qalb tagħha. Fis-seklu 5, f’omelija li għamel f’Efesu, San Ċirillu ta’ Lixandra stqarr hekk:
Insellimlek, [Marija], għax int fil-ġuf safi tiegħek ilqajt lil dak li xejn ma jesgħu; minħabba fik jifirħu s-smewwiet; minħabba fik jithennew l-anġli u l-arkanġli; minħabba fik ix-xitan ħarab; minħabba fik il-ħolqien li kien intilef reġa’ lura lejn is-Sema; minħabba fik il-ħolqien li kien ilsir tal-idoli reġa’ għall-għarfien tal-Verità; minħabba fik ħafna setgħu jirċievu l-magħmudija, id-dilka biż-żjut imqaddsa, il-knejjes huma mimlija, il-bnedmin jitwasslu għall-indiema; minħabba fik l-Iben ta’ Alla idda bħad-dawl biex dawwal lil dawk li kienu jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt. Kien minħabba fik li l-profeti xandru l-ġejjieni, l-Appostli pprietkaw il-fidwa tal-ġnus, u l-mejtin iqumu mill-mewt.
San Ċirillu ta’ Lixandra, Homilia IV, De Maria deipara in Nestorium (PG 77.992-96)