Illum il-Knisja tiċċelebra r-rebħa tas-salib. Forsi huwa ossimoru, stunatura li tiċċelebra s-salib. Fl-istess waqt, din l-istunatura li tifforma l-qalba tal-Evanġelju, tal-aħbar it-tajba, m’għadhiex tweġġgħalna widnejna. Dan is-salib li kien skandlu għal-Lhud—għax kien għajb għalihom li xi ħadd jiġi maqtul imdendel ma’ għuda—u bluha għall-pagani—għax kienet redikola għalihom il-fidi f’Alla li jħaddan it-tbatija—aħna mmansajnieh, ġibnieh oġġett ta’ tiżjin imdieheb jew fiddien, magħmul mill-avorju fuq salib tal-ebbanu għand xi ħanut tal-antikità jew f’xi rkant, bħalma s-suldati lagħbu x-xorti għal libset dak li kien mislub fuqu. Jew inkellha dendilnieh m’għonqna bħal biċċa ġojjellerija kwalunkwe li biha niżżejnu, irġiel u nisa, jew salib li jimmarka l-pożizzjoni klerikali ta’ kategorija ta’ qassisin jew jingħata bħala onorifiċjenza xi lil lajċi pprivileġġati. Ġibnieh sinjal ta’ gwerra meta kien meħtieġ, imma xejjinnieh, irredikolizzajnieh, u faqqarnieh meta tħabbret il-mewt ta’ Alla fis-soċjetà. Irriduċejnieh biss għal simbolu kulturali, ukoll jekk il-kultura m’għadhiex tiddawwal minnu.

Imma meta nsibu ruħna b’idejna miftuħa u marbuta, ma nistgħu nagħmlu xejn iktar quddiem il-ħajja, meta l-ebda minn dawn l-oġġetti taż-żufjett ma jibqgħu jagħmlu sens għax jitilfu l-valur tagħhom, hemmhekk, irridu jew ma rridux, ħajjitna tieħu l-forma tas-Salib—ngħidu, “Inħossni msallab!”

Imma, jekk minflok inħossuna biss imsallbin, niftħu dirgħajna b’mod liberu u nħallu lilna nfusna nintrabtu ma’ dik l-għuda, u nħallu lil dak li hemm merfugħ magħha jerfagħna ’l fuq miegħu, hemmhekk imbagħad il-frugħat kollha jdubu u ħajjitna tieħu sens ġdid, it-tbatija ssir grazzja u salvazzjoni, dak li nħossuh isallabna inħalluh isir ukoll dak li jifdina. U meta nintrefgħu b’dan il-mod ’il fuq ma’ dak li hemm minxur mas-salib, imbagħad inkunu nistgħu wkoll niġbdu lill-bmedmin lejh sabiex huma wkoll jinfdew u jinħelsu. Imma biss jekk niftħu idejna beraħ u nħallu lis-Salib, bil-glorja u t-tbatija kollha tiegħu, jagħti forma lill-ħajja tagħna, huwa hemm li ħajjitna tikseb dan is-sens ġdid u, flok għuda niexfa u ħarxa, issir siġra tal-ħajja li tagħti l-frott bil-kotra.