Jiena Mattew kwalunkwe, bil-qiegħda wara l-iskrivanija tiegħi, għaddej fuq xogħli, qalb karti, flus u kontijiet; b’kompjuter bit-tastiera mwaħħla miegħu quddiemi suppost biex ikun faċli nġorru u joqgħod f’ħoġri u fl-istess waqt iktar iżommni mwaħħal fl-istess post u fl-istess qagħda, imjassar għax jiġri miegħi kullimkien u warajja, u rrid naħdem fuqu, ikun xħin ikun, għandi jew m’għandix aptit.

Jiena Mattew kwalunkwe, imjassar bħal ħafna minn sistema li tisħaq fuq il-valur tal-libertà u d-divertiment (imma mhux neċessarjament kuntentizza).
Jiena Mattew kwalunkwe għax kulħadd bħali Mattew, rigal ta’ Alla imma li xorta sab ruħu bi ġwenħajh maqtugħa u ma jistax jogħla ’l fuq għax il-gravità tar-rabta mad-dinja u mat-tlellix fieragħ tagħha żżommu msammar mal-art … forsi saqajh mal-art u pragmatiku b’mod mill-iktar kiesaħ u krud għax inkella r-rota tas-sistema ma ddurx u jikkrolla kollox.

Imma l-laqgħa mal-Mulej ma tħallinix Mattew kwalunkwe. Hi dik il-ħaġa li tagħmilni Mattew uniku, speċifiku. Dik l-“Ejja warajja” li tingħad b’ġismu diġà jħares lejn it-triq ukoll jekk ħarstu għadha msammra fuqi … dik l-“Ejja warajja” hija ċ-ċavetta li tiftaħ il-katnazz li kien jaqfel il-jien tiegħi u tiftaħlu l-bieb beraħ biex jimragħ, jikber, jimmatura, isir iktar min hu u fl-istess waqt isir iktar ir-rigal li hu ta’ Alla lid-dinja.

Inti wkoll Mattew. Tista’ tkun Mattew kwalunkwe, imma hemm vuċi fil-qalba ta’ ruħek li sawritek u li qed issejjaħlek biex ma tibqax Mattew kwalunkwe—effiċjenti imma medjokri—u ssir il-Mattew li int int. Qed tisimgħu l-leħen sottili imma ċar? X’se tagħżel? Forsi mhux illum imma għada, u għada terġa’ tgħid mhux illum imma għada, sakemm ma jibqax iżjed għada u tkun tlift iċ-ċans li jiġi darba biss f’ħajtek u li jekk titilfu tkun tlift opportunità oħra biex issir min int tassew.

Qed tisimgħu? U żgur li qed tisimgħu! Forsi tippreferi tilgħabha li ma smajtux imma kemm tista’ tibqa’ tilgħab din il-logħba tat-tfal iż-żgħar li ma jridux jikbru.
Mattew … iddeċiedi! X’se tagħmel?

Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh.

Mattew 9, 9