Arkanġli jista’ jkun hemm erbgħa, jew sitta, jew sebgħa, għaliex f’kotba oħra li ma jiffurmawx parti mill-kanoni tal-Bibbja, bħall-ktieb ta’ Enok, insibu ismijiet ta’ Arkanġli oħra. Allura għalfejn il-Knisja tiċċelebra biss il-festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel? It-tweġiba għalfejn il-Knisja tiċċelebra festa lil dawn it-tlieta biss hi għaliex huma dawn it-tliet Arkanġli li jissemmew fil-Bibbja Kattolika. Mikiel—li ismu jfisser: min hu bħal Alla?—jissemma kemm fit-Testment il-Qadim (ara Dan 10, 13. 21; 12, 1), u kif ukoll fit-Testment il-Ġdid (Ġud 9; Apok 12, 7). Dawn il-versi jagħmlu enfasi fuq l-importanza ta’ dan l-anġlu b’mod speċjali fil-ġlieda tiegħu kontra l-ħażen. L-isem Gabrijel ifisser il-qawwa ta’ Alla. Huwa dan l-anġlu li huwa mqabbad minn Alla biex jispjega l-viżjonijiet li kellu Danjel, kif ukoll, fit-Testment il-Ġdid, għandu rwol importanti li jħabbar lil Marija li hi ser issir Omm Alla. L-isem tal-Arkanġlu Rafel ifisser li Alla huwa s-saħħa. Lil Rafel insibuh biss fil-ktieb ta’ Tobija (9 darbiet), u mhuwiex imsemmi fit-Testment il-Ġdid.

X’inhu l-irwol tal-anġli? L-anġli huma dawk li jieqfu quddiem Alla. Infatti l-ismijiet kollha tal-Arkanġli fihom l-isem ta’ Alla. L-anġli huma wkoll messaġġiera li jwasslu lin-nies għand Alla. Għaliex huma viċin ta’ Alla, huma jistgħu jkunu viċin il-bniedem, u għalhekk importanti li nkunu anġli ma’ xulxin għaliex l-anġlu huwa dak li jbiegħed mill-ħażen u jwassal għand Alla.