Il-Ħadd li għadda, waqt li qed nisma’ l-Evanġelju ma stajtx ma nitbissimx għall-mod kemmxejn ironiku, kważi kważi sarkastiku, li bih Ġesù jagħti lezzjoni dwar etikett u galateo lil dawk li mingħalihom kienu jafu kif għandhom iġibu ruħhom skont ma jitolbu n-normi soċjali tas-soċjetà u l-qagħda soċjali tagħhom. Però, bejni u bejn ruħi bdejt ngħid li żgur Ġesù ma kellux f’moħħu daqshekk biss. B’dan id-diskors Ġesù, fl-aħħar mill-aħħar, juri biċ-ċar li l-Aħbar it-Tajba hija Aħbar Tajba ta’ umanità: li tgħix ta’ bniedem sura ta’ nies u mhux ta’ annimal bla raġuni u stint biss; li l-Evanġelju għandu messaġġ ta’ kif ngħixu mhux biss ta’ nsara imma wkoll kif ngħixu ta’ bnedmin tassew fuq ix-xhieda ta’ Alla magħmul bniedem.

Barra li jieħu forma umana li fuqha aħna lkoll ġejna maħluqa xbieha tiegħu u jsalvana permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt ta’ dejjem konsegwenza tad-dnub tagħna, f’dan il-proċess Ġesù jurina wkoll xi tfisser tassew li tkun bniedem, kif tgħix ta’ bniedem tassew. Ġesù jurina Kristjanità mgħixa fil-manjieri ż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum: li nkun edukat; li nċedi; li nitbissem u nuri lill-persuna l-oħra li qiegħed nilqagħha u nagħtiha l-ħin u mhux nibqa’ għaddej b’li qed nagħmel; li nieqaf u nisma’ bla ma nkun pront naqbeż biex inwieġeb lill-persuna l-oħra qabel ma tkun lestiet jew ma nagħtix biżżejjed piż lil dak li qed jingħadli li forsi għalija, veru, ma jfisser xejn, hu redikolu, mhux importanti, imma għall-persuna oħra hu u għalhekk nieqaf, nisma’ u nuri kompassjoni; li nipprova nifhem, bħal meta xi nanna tisma’ lin-neputijiet tagħha jirrakkuntaw, bejn bikja u lefqa, xi ħaġa bla importanza li weġġgħathom imma, għax hi ta’ piż għan-neputi jew neputija, il-ħaġa ssir importanti għaliha wkoll u tkun tista’ tgħaddi kelma ta’ faraġ frott l-esperjenza.

Kos, hux! Kemm għandhom bżonn iż-żgħażagħ u t-tfal min jieqaf u jismagħhom, imma kultant wisq mgħaġġlin u medhijin bil-problemi tagħna li mbagħad isibuha diffiċli jitkellmu għax ma jkunux iridu jżidu mal-problemi tagħna l-kbar, jaħsbu f’moħħhom. Imma kemm jagħmel ħsara dan ir-raġunament u din is-soċjetà mgħaġġla għad trid tagħti kont quddiem Alla tan-nuqqas ta’ ħila tagħha li tieqaf u tisma’ u titkellem u tagħti l-attenzjoni lil dawk li hemm maġenbha fuq il-mejda tal-ħajja tagħha skont il-post li tokkupa fis-soċjetà. U dan jgħodd ukoll bil-kontra: li nisimgħu lill-anzjani li forsi ma nħalluhom neqsin minn xejn, imma qatt ma nieqfu nitkellmu magħhom; li nisimgħu lil dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Imma soċjetà li kulma jmur qed issir inqas nisranija qed issarraf ukoll f’soċjetà li qed issir inqas u inqas umana, iddominata mir-raġunar kiesaħ tat-teknoloġija fejn in-nies jiġu meqjusa bħala robots li suppost ma jħossux, jitbissmu dejjem u ma jistgħux jibku.

Forsi ġera moħħi ftit iżżejjed mill-kliem li ried jgħid Kristu. Imma, ngħid għalija, dan il-messaġġ ta’ umanità moħbi bejn il-vrus ta’ dan id-diskors tassew laqatni. U, flok ħallieni nitkaża bil-Fariżej—minkejja li xi minn daqqiet nagħmel bħalhom—sfidani biex nilqa’ iktar l-aħbar it-tajba ta’ Alla li jsir bniedem bħalna u jurina kif għandna ngħixu ta’ bnedmin tassew, u mhux biss nilqagħha imma nħalliha ssir il-mod ta’ ħsieb u tal-ħajja tiegħi.