Wieħed mill-Qaddisin li niċċelebraw it-tifkira tiegħu matul ix-xahar ta’ Awwissu huwa Santu Wistin, nhar it-28 ta’ Awwissu, wara li fil-jum ta’ qabel inkunu fakkarna lil ommu Santa Monika. Dini s-sena, peress li ġejja l-Ħadd, il-festa liturġika se tinqabeż. Imma tajjeb li t-tifkira tiegħu f’moħħna ma tinqabiżx.

Ħafna drabi, l-għarfien tagħna ta’ dan il-qaddis huwa marbut l-iktar mal-konverżjoni tiegħu, fejn minn bniedem midneb sar isqof u wieħed mill-ikbar għalliema li qatt kellha l-Knisja. Imma jekk ikollna ninżlu ftit iktar fil-fond tan-nisġata’ ġrajjiet ħajtu, nagħrfu li fil-qalb ta’ Wistin kien hemm għatx għall-verità, xewqa li jsib dak li seta’ jimla lil ħajtu. Tfittxija li ħaditu tul toroq imserrpa ta’ studju, tfittxija, laqgħat, taħbil il-moħħ u ħafna emozzjonijiet, sakemm wara ħafna snin fl-aħħar fehem u għaraf, anke bil-għajnuna ta’ San Ambroġ, li dak li qalbu kienet tixxennaq għalih seta’ jsibu biss fi Kristu.

Il-memorja ta’ dan kollu hi mniżżla fil-kitba awtobijografika L-Istqarrijiet, ktieb li fih mhux biss jistqarr il-ħtijiet tiegħu u jirrakkonta l-istorja kollha ta’ ħajtu sakemm ikkonverta, imma fuq kollox huwa stqarrija ta’ fidi f’Alla u f’dak kollu li Alla jagħmel mal-bniedem. Il-konverżjoni tiegħu fissret ukoll li jħalli l-ħajja li kien jgħix qabel u juża l-istess ħiliet retoriċi u filosofiċi tiegħu sabiex permezz tagħhom iwassal it-tagħlim nisrani b’mod li jinftiehem, li jmiss il-qalb u li jagħti struttura lill-ħsieb nisrani.

Ix-xhieda tiegħu tfakkarna li l-konverżjoni nisranija għandha żewġ aspetti: minn banda, iċ-ċaħda tad-dnub u t-taqtigħa magħna nfusna; mill-banda l-oħra, li l-eżistenza tagħna ddur kollha kemm hi lejn id-dawl, li hu Kristu. Konverżjoni li ma tneħħi xejn mill-umanità tagħna, bil-kwalitajiet u l-ħiliet kollha tagħna, imma li tindirizza dan kollu sabiex fuq l-art tinbena l-Belt ta’ Alla.

Kemm ħabbejtek tard, ja ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, kemm ħabbejtek tard! U ara, inti kont ġewwa fija u jiena ’l barra minni nnifsi. Fittixtek hemm barra, u jien, bla sura ta’ xejn, intfajt kollni kemm jien fuq il-ħafna suriet sbieħ li int għamilt. Kont miegħi, u jien ma kontx miegħek. Żammewni ’l bogħod minnek dawk l-istess ħwejjeġ li ma kienx ikollhom eżistenza kieku ma jeżistux fik. Int sejjaħtli u għajjattli, u fqajt il-widnejn torox tiegħi; bħal berqa xħett id-dija tiegħek fuqi u keċċejt l-għama tiegħi; xerridt il-fwieħa tiegħek, u jien ġbidt nifs ’il ġewwa, kollni mxennaq għalik; doqtok, u issa jiena mġewwaħ u għatxan għalik; missejtni, u jien tħeġġiġt għas-sliem tiegħek.

Santu Wistin, L-Istqarrijiet, 10.27.28