Twieled is-Sirja, Injazju kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-appostlu u sar it-tielet Isqof tal-Knisja ta’ Antjokja wara San Pietru. Fis-sena 107, l-imperatur Trajjanu żar Antjokja u ried iġiegħel lill-insara biex jagħżlu bejn l-fidi tagħhom u l-mewt. Injazju, li ma ridx jiċħad il-fidi, ġie kkundannat għall-mewt f’Ruma.
Sant’Injazju huwa magħruf għas-seba’ ittri li kiteb matul l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma. Il-ħames ittri huma indirizzati lil Knejjes fl-Asja Minuri u jħeġġu lill-insara biex jibqgħu sħaħ fil-fidi filwaqt li jobdu lil min imexxihom fil-komunità tal-fidi. Huwa jeżortahom biex joqogħdu attenti minn tagħlim qarrieq li jfixkel il-ħajja tal-fidi. Is-sitt ittra hija indirizzata lil Isqof ta’ Żmirna, San Polikarpu, li aktar tard ukoll stqarr il-fidi tiegħu sat-tixrid ta’ demmu. F’din l-ittra Injazju jaqsam ma’ Polikarpu l-għerf tiegħu ta’ kif isqof għandu jġib ruħu filwaqt li jippromovi l-ħajja nisranija tal-koppji nsara flimkien ma’ kummenti ġenerali oħra li jagħmel fuq l-ħajja tal-Knisja.
Fis-seba’ ittra Injazju jħeġġeġ lill-Insara ta’ Ruma biex ma jwaqqfuhx milli jasal sal-punt li jagħti ħajtu għall-Kristu. Huwa jgħidilhom li l-milja tax-xewqa tiegħu hija l-martiju: “Ħalluni nkun ikel għall-bhejjem selvaġġi: bihom inkun nista’ nikseb ’l Alla. Jiena qamħ ta’ Kristu, is-snien tal-bhejjem jitħnuni, biex inkun ħobż safi ta’ Kristu.” Huwa ħa l-martiju fiċ-Ċirku Massimu ġewwa Ruma. Il-karattru ta’ Injazju, hekk kif joħroġ mill-ittri tiegħu, jixhed l-imħabba għall-Knisja, imħabba li ma ġibditx l-attenzzjoni tal-komunità għal fuqu imma wassalha biex tifhem li hu “xebh ma’ Kristu.”