Fil-messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-aħħar kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli qabel it-tlugħ tiegħu fuq il-lemin tal-Missier, skont ma nsibu fl-Atti tal-Appostli: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1, 8). Minn din is-sentenza, il-Papa jislet tliet temi: is‑sejħa ta’ kull Nisrani li jkun xhud ta’ Kristu; l‑attwalità dejjiema ta’ missjoni ta’ evanġelizzazzjoni universali; u l-ħtieġa li dejjem inħallu lill‑Ispirtu jqawwina u jmexxina.

Jekk ikollna nħarsu lejn il-ġrajja sħiħa tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli—li tiegħu din is-sentenza ta’ Ġesù hija prattikament l-introduzzjoni u d-direzzjoni—nindunaw kif l-aħbar it-tajba tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, permezz tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, bdiet ftit ftit timxi ’l barra minn Ġerusalemm u Lhudija, l-ewwel lejn is-Samarija u mbagħad fost l-ibliet u l-popli ta’ madwar il-baħar Mediterran. U l-iktar qrib li tasal il-Kelma għal truf l-art huwa proprju f’Malta, fost poplu li, għalkemm kien taħt il-ħakma tal-qawwa imperjali ta’ Ruma, xorta waħda ma kienx jappartjeni għall-kultura klassika.

Il-Knisja f’pajjiżna dejjem kellha dan l-impetu missjunarju, kemm fl-għadd ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi li marru f’artijiet tal-missjoni, u kif ukoll fil-ħeġġa tal-poplu li jsostni dawn il-ħidmiet tal-Knisja madwar id-dinja. Imma, mill-banda l-oħra, mhux dejjem ikun faċli għalina li nirrikonoxxu ‘t-trufijiet’ tas-soċjetà tagħna: dawk il-kategoriji jew strata tas-soċjetà tagħna li jsibu ruħhom fil-marġini tal-ħajja soċjali minħabba qagħda soċjali, lingwa, reliġjon, faqar, saħħa mentali, u elf raġuni oħra.

Tajjeb li f’dan il-jum, filwaqt li niftakru fit-trufijiet l-iktar imbiegħda tal-art fejn il-ġrajja ta’ Ġesù għadha ma qabbditx l-għeruq tagħha, tajjeb ukoll li nieqfu ftit u naħsbu fuq dawk ‘it-trufijiet’ li nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum imma qajla nagħtu kashom, jew għax drajnihom iżżejjed hekk li ninjorawhom, jew għax qatt ma waqafna biex inħarsu ’l barra miċ-ċirku ristrett tagħna.